Filmat: Malti fil-Kanada jsalva raġel milli jagħmel suwiċidju


John Paul Attard ta’ 55 sena minn Ontario fil-Kanada qed jissejjaħ eroj, hekk kif ma jaħsibiex darbtejn biex isalva persuni li jkunu se jwettqu suwiċidju.

F’intervista li saritlu riċentament mill-midja Kanadiża, Attard, li jaħdem fi stazzjon tal-ferrovija jirrakkonta kif sena ilu żagħżugħ ta’ 23 sena niżel fil-linja tal-ferrovija u hu poġġa ħdejh, żammu f’idu u farrġu, sakemm eventwalment ikkonvinċieh li s-suwiċidju mhux għażla.

Attard kompla jgħid li mill-ewwel induna li l-vittma ma kienx qed ikollu ġurnata tajba u li kellu deherha stramba.  Huwa seta’ jaġixxi bl-għajnuna ta’ ħaddieħor hekk kif talab lil impjegat ieħor biex jitfi l-elettriku u jwaqqaf tliet ferroviji.

Iddeskriva kif il-vittma, li f’idu kellu brazzuletta tal-isptar, kien għaddej minn problemi mal-maħbuba tiegħu iżda rnexxielu jurih li ħadd mhu importanti biżżejjed biex iwettaq suwiċidju. Qal li meta beda jgħannqu, ħass liż-żagħżugħ jitriegħed. Wara eżerċizzji ta’ nifsijiet fil-fond, Attard beda jgħidlu biex jirrepeti warajh il-kliem ‘I am strong’.

Fl-aħħar 25 sena Attard salva sitt persuni milli jwettqu suwiċidju.