Filmat: Malta waħda mill-aktar li rċeviet applikazzjonijiet tal-ażil skont il-popolazzjoni

Fir-rapport annwali tiegħu, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għal Dawk li qed ifittxu l-ażil (EASO) qal li l-aktar ħames pajjiżi li irċevew applikazzjonijiet għall-ażil skont il-popolazzjoni fl-2018 kienu iċ-Ċipru, Greċja, Malta, l-Iżvezja, u l-Lussemburgu.

L-EASO qal li fl-Ewropa kien hemm 664,480 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-2018. Dan ifisser tnaqqis ta’ 10% meta mqabbel mal-2017. Dawk li kienu qed japplikaw għall-ażil kienu ġejjin l-aktar mis-Sirja, mill-Afghanistan, u mill-Iraq.

Fir-rapport tal-EASO, intqal li fil-prinċipju, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi sottomessa biss lill-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan it-territorju ta’ pajjiż jew mal-fruntiera tiegħu. Però fl-2018, diversi pajjiżi fl-UE komplew jużaw l-introduzzjoni temporanja ta’ kontrolli mal-fruntieri fejn kien neċessarju fil-fruntieri interni tas-Schengen.

Fl-2018, il-Ġermanja, Franza, il-Greċja, l-Italja, u Spanja reċevew l-akbar ammont ta’ talbiet għall-ażil.

L-EASO tkellem ukoll dwar numru ta’ drabi li kien hemm immigranti li ġew salvati minn xi għaqda però li mbagħad il-pajjiżi kienu jirrifjutaw milli jħalluhom jidħlu fil-portijiet tagħhom. Intqal li hemm bżonn aktar koordinazzjoni b’rabta mal-inżul tal-immigranti fuq skala Ewropea.

L-EASO rrefera wkoll għal rapporti mis-soċjetà ċivili li l-kundizzjonijiet tar-reception centres f’Malta mhumiex tajbin. Qal li f’Malta fl-2018 ma kienx hemm bidliet sinifikanti b’rabta mad-detenzjoni waqt proċeduri tal-ażil.

Dwar il-protezzjoni, l-EASO qal li Malta qed timxi eqreb lejn li tidħol fis-seħħ il-liġi tal-protezzjoni tat-tfal li għandha tirregola l-protezzjoni tal-minuri kollha, inkluż fil-kuntest tal-ażil. Malta allokat aktar riżorsi biex tiżdied il-kompetenza tal-ħaddiema li jaħdmu mal-minuri.

Issemma wkoll il-programm “I Belong” li ilu jsir Malta minn Novembru tal-2018. Dan il-programm jikkonsisti f’taħriġ b’xejn fil-Malti u l-Ingliż u dwar affarijiet soċjo-kulturali.

Fl-2017 f’Malta kien hemm 1,840 persuna li talbu għall-ażil. Fl-2018, in-numru tela’ għal 2130, żieda ta’ 16%. Dawn il-persuni kienu ġejjin l-aktar mis-Sirja. Ħamsa minn dawk il-persuni fl-2018 kienu minuri li ġew waħedhom.