Filmat: “Malta qed titħalla waħedha fl-immigrazzjoni”; Bartolo jtenni l-appell lill-UE

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo tenna l-appell tiegħu lill-Unjoni Ewropea għall-għajnuna fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Qal li Malta ma ħolqitx din l-istraġi, imma minħabba li hi Malta, qed titħalla taffaċċjaha waħedha.

F’indirizz imxandar fuq il-paġna tal-Gvern fuq Facebook ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru Bartolo reġa’ qal li l-Unjoni Ewropea mhix tagħmel il-parti tagħha biex tgħin lil Malta u lil pajjiżi oħrajn fl-immigrazzjoni, issa li ħafna immigranti qed ikomplu jaħarbu mill-gwerra fil-Libja.

Huwa spjega li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, 3,600 immigrant qasmu l-Mediterran, erba’ darbiet aktar min-numru tas-sena li għaddiet. Terz minn dawn ġew Malta. Bartolo sejjaħ dan “piż kbir fuq il-kapaċità limitata tagħna.”

Il-Ministru qal li l-qsim tal-piż permezz ta’ rilokazzjoni tal-immigranti ma ħadimx fl-Unjoni Ewropea, u l-Istati Uniti ħadu aktar immigranti mill-UE. Mill-2005 ‘l hawn, 22,000 immigrant daħlu Malta u inqas minn kwart ġew rilokati, spjega l-Ministru. 8% biss minn dawn ġew rilokati fl-Unjoni Ewropea.

L-awtoritajiet ilbieraħ ikkonfermaw li 57 immigrant se jiġu salvati u se jinżammu fuq vapur tal-Captain Morgan 13-il mil nawtiku ‘l bogħod mill-kosta Maltija.

Bartolo ssokta jgħid li dan il-piż mhuwiex ġust fuq kemm tiflaħ Malta, u mhuwiex proporzjonat għad-daqs tal-pajjiż. Anke n-Nazzjonijiet Uniti qegħdin jappellaw lill-Unjoni Ewropa biex tgħin lil dawn in-nies li qegħdin jaħarbu pajjiżhom għax qatgħu qalbhom li s-sitwazzjoni għad titjieb fil-Libja bil-gwerra li hemm għaddejja. Bartolo qal li s-sitwazzjoni bħalissa ggravat minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Temm il-messaġġ tiegħu billi qal li l-valuri li l-Unjoni Ewropea tant hi kburija bihom iridu jinbidlu f’azzjoni, permezz ta’ għajnuna sabiex l-immigranti ma jitħallewx imutu, u jitqassmu f’pajjiżi Ewropej b’mod ġust.