Filmat: “Malta qed timxi fuq il-passi ta’ Hong Kong” – Prof. Gauci

Malta qed issegwi l-istess mudell li qed tuża l-belt Ċiniża ta’ Hong Kong biex tnaqqas il-firxa tal-coronavirus fil-pajjiż.

Dan qalitu Prof. Charmaine Gauci hi u twieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar studju Amerikan li qal li Malta se tkun qed tesperjenza l-massimu tal-każijiet fit-23 ta’ April. L-istudju sar mill-Institute for Health Metrics and Evaluation (IHME), ċentru ta’ riċerka dwar is-saħħa fl-Università ta’ Washington.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Gauci qalet li l-istudju huma rawh u evalwawh. Qalet li meta jsiru mudelli ta’ kif wieħed għandu jirregola pandemiji tat-tip f’żoni differenti, isiru suppożizzjonijiet ta’ x’jista’ jiġri meta. Qalet li wieħed irid joqgħod attent x’tip ta’ mudelli juża’.

Hi kompliet tgħid kif Malta huwa pajjiż żgħir u kulħadd jgħix viċin ta’ xulxin. Minħabba din ir-raġuni, il-pajjiż qed jibbaża’ l-mudell tiegħu fuq dak ta’ Hong Kong minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ għixien f’Hong Kong huma simili għal dawk t’hawnhekk. Spjegat li bħala mudell ivarja ħafna fir-riżultati tiegħu. Ġabet eżempju bir-rata ta’ mwiet fejn qalet li din tista’ tvarja minn minimu ta’ 19 u massimu ta’ 120 mewta b’rabta mal-virus.

Sostniet li filwaqt li huwa importanti li wieħed iħares lejn il-previżjonijiet, huwa iktar importanti li wieħed jassigura li jkun hemm biżżejjed sodod għall-persuni li jinstabu pożittivi u jkollhom bżonn il-kura. Qalet li huwa iktar importanti li wieħed jassigura li jista’ jlaħħaq mad-domanda. Qalet li dan jista’ jsir biss jekk in-nies isegwu l-miżuri, ir-rakkomandazzjonijiet u l-liġijiet li qed idaħħlu fis-seħħ l-awtoritajiet tas-saħħa flimkien mal-Gvern.

F’Hong Kong s’issa hemm total ta’ 1,001 persuna infettata bil-coronavirus. Minnhom fiequ total ta’ 336 persuna u mietu erba’.

Minkejja li l-belt Ċiniża ġiet imfaħħra għall-mod kif irnexxielha tikkontrolla l-firxa tal-virus, dan l-aħħar reġgħet intlaqtet minn mewġa oħra ta’ infezzjonijiet. Ir-raġuni wara dan kien minħabba persuni li vjaġġaw ‘l hemm minn barra l-pajjiż.