Filmat: Malta mhux se tibdel il-pożizzjoni dwar l-immigranti – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-immigrazzjoni mhux se tinbidel. Hu qal dan waqt laqgħa li kellu mar-rappreżentant għoli tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell Fontalles, fil-Palazz ta’ Kastilja llum wara nofsinhar.

Abela qal li Malta m’għandhiex titpoġġa taħt pressjoni biex iddaħħal lill-immigranti meta dawn ma jkunux tħallew jiżbarkaw fl-eqreb u l-aktar port sikur. Abela kien qed jirreferi għall-grupp ta’ 52 immigrant li kienu salvati s-Sibt mill-vapur tal-merkanzija Talia. L-għaqda Alarm Phone qalet li t-52 immigrant kienu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

Hu kompla jgħid li l-aktar post sikur f’dan il-każ partikulari kien dak tal-Italja. Qal iżda li l-vapur imbagħad ġie lejn Malta. “Sfortunatament il-problema tal-iżbark ta’ dawn l-immigranti għadha hemm,” qal il-Prim Ministru.

“Din mhix il-problema tagħna biss, imma hija biss problema parzjalment tagħna u għalhekk Malta għandha bżonn l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea. In-numru ta’ pajjiżi li qed joffru l-għajnuna qed jagħmlulna kuraġġ imma din l-għajnuna hija żgħira ħafna,” insista Abela.

Min-naħa tiegħu, Borrell Fontelles qal li Malta għandha rwol importanti fejn jidħol salib it-toroq tal-problemi tal-immigrazzjoni tal-Libja u t-Turkija. Hu semma wkoll li l-Unjoni Ewropea qed tipproponi patt ġdid għall-immigrazzjoni għall-ażil. Qal li dan il-mod ġdid għandu jkun soluzzjoni permanenti għall-immigrazzjoni illegali.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Malti semma wkoll il-kooperazzjoni li wera l-gvern Libjan ma’ Malta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Evarist Bartolo u mir-rappreżentant Josep Borrell Fontalles, dan ir-rappreżentant qal li Malta mhijiex waħedha, u l-Unjoni Ewropea ħa tara li tagħmel li tista’ sabiex tgħin lil Malta, għaliex tifhem il-qagħda kruċjali li tinsab fiha, maqbuda bejn żewġ kontinenti.

Minister for Foreign and European Affairs Evarist Bartolo and the High Representative of the European Union for Foreign Affairs and Security Policy Josep Borell Fontelles address a press conference

Minister for Foreign and European Affairs Evarist Bartolo and the High Representative of the European Union for Foreign Affairs and Security Policy Josep Borell Fontelles address a press conference.

Posted by MaltaGov on Tuesday, July 7, 2020

Il-President George Vella wkoll laqa’ lir-Rappreżentant Għoli għall-Unjoni Ewropea Josep Borrell fil-Palazz ta’ Sant’Anton illum.

Id-diskussjonijiet kienu dwar id-diversi sfidi li għandha bħalissa l-Unjoni Ewropea u t-theddidiet għas-sigurtà. Il-President Vella u r-Rappreżentant Għoli tal-UE skambjaw l-ideat tagħhom dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikolari l-Libja, il-Lvant tal-Mediterran u l-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani. Il-President Vella rrefera għal-laqgħa li kellu lbieraħ mal-Prim Ministru Libjan Faiez Serraj.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE Borrell spjega l-kwistjonijiet li bħalissa jinsabu fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew għall-Affarijiet Barranin, li jippresiedi regolarment, u qal li kultant ikun hemm diverġenzi minflok kunsens waqt id-diskussjonijiet.

Il-President Vella ħeġġeġ lill-UE biex tuża r-rwol influwenti tagħha biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti f’dan ir-reġjun u tibqa’ relevanti fl-ambitu internazzjonali. Huwa żied jgħid li l-komunità internazzjonali – b’mod partikolari l-UE u l-Ġnus Magħquda – jeħtieġ tieħu azzjoni konkreta kontra l-bejgħ u t-traffikar tal-armi u l-munizzjon. Dwar l-immigrazzjoni, il-President Vella saħaq fuq il-ħtieġa ta’ solidarjetà ma’ Malta mill-pajjiżi kollha tal-UE, u żied jgħid li l-pajjiżi li jaffaċċjaw dan il-fenomenu m’għandhomx jitħallew iġorru l-piż waħidhom.