Filmat: Malta kif qatt ma rajnieha qabel mil-lenti ta’ żagħżugħ

Filmat ta’ żagħżugħ Malti li juri l-bahh li waqgħet fih Malta fl-aħħar ġimgħat ħakem il-kurżita’ ta’ għexieren ta’ residenti fil-pajjiż. S’issa, il-filmat rawh aktar minn 96,000 persuna.

Ma’ Newsbook.com.mt, Eric Bartolo tkellem dwar il-filmat tiegħu bl-isem ta’ The Silent Islands li hu twil ftit inqas minn żewġ minuti. Bartolo spjega li l-idea biex jgħaqqad dan il-filmat ħarġet wara li għamel xi ħin jitkellem ma’ ħabib tiegħu li wkoll jaħdem fl-istess industrija. Minn hemm iddeċieda li joħloq dan il-filmat li juri toroq li fi żmien normali jkunu mfawwra bin-nies, kompletament vojta.

Bartolo kompla jgħid li l-għan wara l-filmat kien propju li juri l-impatt li l-COVID-19 qed iħalli fuq il-Gżejjer Maltin. B’hekk għamel użu ta’ slow shots ikkombinati ma’ kuluri skuri sabiex joħloq is-sentiment ta’ abbandun li tħallew fihom it-toroq Maltin. Ir-raġuni għaliex ħoloq dan il-filmat kien sabiex iqajjem kuxjenza dwar l-importanza li kulħadd jibqa’ d-dar hekk kif dan huwa l-unika mod kif flimkien nistgħu ngħelbu din il-marda.

Irrimarka kif meta kien qed jiffilmja dawn il-filmati, ixxokkja ruħu meta ra l-għadd ta’ persuni li kienu għadhom qed joħorġu fil-pjazez ta’ rħula differenti madwar Malta. Qal li ċertu toroq xorta kienu għadhom biżlin. Għalhekk kienet xi ftit ta’ sfida għalih li jasal biex jirnexxielu jiġbed filmati tat-toroq vojta eżatti kif xtaqhom hu.

Hu spjega li minkejja li ħareġ biex jiffilmja l-filmat, qal li segwa s-suġġerimenti kollha tad-Direttorat għas-Saħħa u għajr għall-bżonn, ma ħariġx mid-dar.

Bartolo, li issa ilu jaħdem għal rasu bħala vidjografu għal tliet snin, irringrazzja lil dawk kollha li raw il-filmat u xerrduh fuq il-midja soċjali. Sostna li ma kienx qed jistenna li se jirċievi daqshekk sapport.

“Il-komunità kreattiva waħda mill-agħar li ntlaqtet”

Bartolo tkellem ukoll dwar l-impatt negattiv li dan il-virus ħalla fuq il-komunità kreattiva f’Malta. Hu spjega li x-xogħol ta’ vidjografu, ħafna drabi jkun barra u jinvolvi avvenimenti ta’ klijenti varji. Liema avvenimenti, ġeneralment ikollhom involuti fihom ħafna nies.

Minħabba f’hekk u qal li għexieren ta’ persuni li huma vidjografi jew fotografi spiċċaw biex xogħol kollu tagħhom jew pospost jew imħassar. Spjega li hemm inċertezza kbira wkoll ta’ meta l-affarijiet se jerġgħu jiġu lura għan-normal.

Hu sostna li ħafna ma jifhmux l-ispejjeż kbar li hemm wara x-xogħol kreattiv tat-tip u kemm ħin jieħu l-editing ta’ filmat, anke wieħed qasir bħal dak li pproduċa hawn. Spjega li huma għandhom spejjeż ta’ kuljum biex iżommu l-apparat li jużaw fix-xogħol tagħhom u wħud għandhom ukoll il-familja.

Hu wera tħassib dwar kif jistgħu freelancers u persuni fis-settur kreattiv iżommu n-negozju tagħhom għaddej meta mhux qed jirċievu l-ebda tip ta’ dħul fix-xhur li ġejjin. Spjega li dawn il-persuni jiddependu primarjament fuq pagi u depositi li jsirulhom sabiex in-negozju żgħir tagħhom ikampa. Spjega li bħalissa hemm inċertezza dwar kemm se jkun il-valur tal-benefiċċji li se jirċievu ħaddiema f’dan il-qasam.

Il-midja lokali bħalissa għaddejja minn telf kbir, li miegħu qed iwassal ukoll għal telf ta’ dħul u saħansitra impjiegi ta’ fotografi, vidjografi, graphic designers, ġurnalisti, digital marketers u għexieren ta’ rwoli oħrajn. Bartolo huwa biss wieħed minn għexieren ta’ persuni li qed jitħallew lampa stampa f’dan iż-żmien. Newsbook.com.mt flimkien ma’ 60 entità oħra qed jappella lill-Gvern biex jagħti widen lis-settur u jtaffi d-daqqa ta’ ħarta li ħa fl-aħħar ġimgħat sabiex hu wkoll ikun jista’ jsalpa f’din il-maltempata.