Filmat: “Malta hija importanti ħafna għall-Vatikan”- In-Nunzju Appostoliku l-ġdid

Ilbieraħ wasal Malta n-Nunzju Appostoliku ġdid Monsinjur Alessandro D’Errico.
Fi kliem sempliċi, in-Nunzju Appostoliku huwa l-ambaxxatur tal-Vatikan għal Malta u jservi wkoll bħala d-Dekan tal-Kort Diplomatiku Malti.
Ma’ Newsbook.com.mt, ftit wara li wasal Malta, l-Isqof Alessandro d’Errico iddeskriva lil Malta bħala realtà importanti ħafna għas-Santa Sede bħala l-gżira ta’ San Pawl u minħabba t-tradizzjoni Kattolika tagħha.
Semma l-irwol importanti ta’ Malta f’kwistjonijiet kontemporanji importanti u l-ħidma tagħha fil-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Monsinjur D’Errico qal li fl-aħħar jiem kellu laqgħa mal-Papa Franġiksu u saħaq li l-missjoni tiegħu se tkun li f’Malta jasal ukoll il-messaġġ tal-Papa, jiġifieri li l-Knisja toħroġ u tiltaqa’ man-nies, l-aktar ma’ dawk tal-periferija.
In-Nunzju l-ġdid qal li jixtieq jaħdem mill-qrib mal-Arċisqof Charles Scicluna, mal-Isqof Mario Grech u anke mal-awtoritajiet ekklesjatiċi tal-Libja dwar kwistjonijiet umanitarji li huma ħafna għal qalb il-Papa Franġisku.
Monsinjur D’Errico ntlaqa’ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-Arċisqof ta’ Malta, l-Isqof ta’ Għawdex u anke l-Vigarju Ġenerali Monsinjur Joe Galea Curmi.
In-Nunzju l-ġdid huwa Naplitan u għandu 67 sena. Huwa se jkun qed jieħu post l-Arċisqof Roberto Cassari li serva bħala Nunzju Appostoliku sa ftit xhur ilu.