Filmat: ‘Malta għandha tmexxi l-politika tal-immigrazzjoni fil-PE’ – Mina Tolu

Il-kandidat għall-Parlament Ewropew f’isem l-Alternattiva Demokratika – The Green Party, Mina Tolu qalu li Malta għandha tmexxi l-politika tal-immigrazzjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew fil-leġislatura li jmiss.

Tolu kienu qegħdin jitkellmu waqt sensiela ta’ intervisti ma’ diversi kandidati għall-PE. Matul l-intervista, Tolu spjegaw li bħala AD huma jemmnu li għandu jkun hemm kurituri umanitarji li huma legali u siguri għal dawk li qed ifittxu l-ażil. Spjegaw ukoll li minħabba l-politika kif inhi tal-Unjoni Ewropea s-solidarjetà mhux titħaddem sew.

Dwar l-Unjoni Ewropea, Tolu qalu li kellhom esperjenzi sbieħ permezz tal-Erasmus. Huma semmew ukoll l-importanza tad-djalogu interkulturali.

Tolu għandhom 27 sena u twieldu l-Italja. Huma qalu li d-dar jitkellmu bl-Ingliż u bit-Taljan filwaqt li għamlu żmien jgħixu barra minn Malta.