Filmat: Malta bi ftehim mal-Manchester United

Il-klabb tal-Manchester United sar is-sieħeb uffiċjali ta’ Malta bħala destinazzjoni globali. B’hekk Malta se tkun qed tiġi rriklamata iżjed waqt avvenimenti f’pajjiżi oħra kif ukoll fuq il-midja soċjali tal-klabb u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni tal-istess klabb.

Dan il-ftehim tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi fir-Renju Unit li tela’ flimkien ma’ grupp ta’ ġurnalisti minn Malta.

Il-Ministru Mizzi qal li s-sħubija bejn il-klabb u Malta hi għal tliet snin. F’tweġibiet li ta lil Newsbook.com.mt huwa spjega li din is-sħubija se tfisser li wieħed jista’ jaħdem mal-plejers tal-ewwel tim f’avvenimenti li se jiġu organizzati fis-swieq magħżula minn Malta. Żied jgħid li dawn is-swieq huma fl-Istati Uniti, fil-Korea t’Isfel, il-Ġappun, ċ-Ċina u swieq oħra interessanti.

Fl-istadium ta’ Old Trafford ‘Visit Malta’ diġà qed tidher fuq ir-reklamar. Mizzi temm jgħid li Malta tista’ tagħmel użu mill-pjattaformi tal-midja soċjali tal-klabb biex l-avvenimenti f’Malta jiġu rriklamati kif ukoll l-istazzjon uffiċjali tal-Manchester United.