Filmat: Malta b’6 proposti għall-UE biex jiġi megħjun it-turiżmu

Malta ppreżentat sitt proposti biex jiġi megħjun is-settur turistiku fid-dawl tal-kriżi tal-coronavirus.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli attendiet konferenza inter-ministerjali b’mod virtwali bejn il-ministri kollha tat-turiżmu fl-Unjoni Ewropea. Din ġiet organizzata mill-Presidenza Kroata.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li Malta ppreżentat 6 proposti ewlenin:

  1. Il-ftuħ mill-ġdid tat-turiżmu. Hemm riskji imma jridu jkunu megħluba. Minn issa jridu jsiru protokolli ċari fuq titjiriet, akkomodazzjoni, stabbilimenti tal-ikel u x-xorb fost l-oħrajn
  2. Hemm bżonn li jkunu identifikati spazji siguri għall-ivvjaġġar bejn territorji u reġjuni li bħal Malta qed jimmaniġjaw il-problema b’mod tajjeb
  3. Il-ministru insistiet li jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tassisti bi grants għan-negozji. Fissret li  għad li t-turiżmu bħalissa hu fraġli, dan se jkun dak il-fattur ewlieni li jixpruna ‘l quddiem l-ekonomiji
  4. Strateġija ta’ rkuprar fit-turiżmu li tieħu inkonsiderazzjoni d-differenzi u l-isfidi ġeografiċi tal-pajjiżi differenti. Pajjiżi bħal Malta, is-settur tal-avjazzjoni hu l-uniku punt li jgħaqqad l-pajjiż mal-kumplament tad-dinja. F’dan is-sens irid ikun hemm mekkaniżmi li jgħinu lill-linji tal-ajru – dan hekk kif se jkunu huma l-ewwel muturi li jqajmu l-ekonomiji
  5. Appell lill-Unjoni Ewropea biex tieħu pożizzjoni ċara u immedjata fuq il-‘package travel directive and air passenger regulation’ u vouchers ta’ kreditu flok ħlas lura. Filwaqt li d-drittijiet tal-konsumatur għandhom dejjem ikunu mħarsa, għandhom ikunu protetti l-operaturi tal-ivvjaġġar. Jeħtieġ li tkun indirizzata l-anomalija u l-iżvantaġġ li nħoloq meta pajjiżi individwali qabdu u abbandunaw din id-direttiva
  6. Malta talbet lill-Unjoni Ewropea sabiex tħares lejn din l-isfida bħala opportunità partikolarment fit-taħriġ tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħna. Xi ħaġa li Malta qed tieħu rwol ewlieni fiha b’taħriġ li se jingħata lill-ħaddiema fis-settur turistiku

Waqt il-laqgħa Farrugia Portelli spjegat li Malta hija gżira mibnija fuq it-turiżmu estern u kif dan il-pilastru ekonomiku jiġġenera bejn 25% u 30% tal-prodott domestiku gross Malti.

Malta ngħaqdet ma’ sitt pajjiżi oħra biex titressaq talba lill-KE biex fil-pjan li l-UE qed tħejji biex il-pajjiżi jirkupraw mill-effetti tal-pandemija ikun hemm “vot b’saħħtu għat-turiżmu”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn