Filmat: Malmstrom tappella biex il-pajjiżi kollha tal-UE jaċċettaw l-immigranti

Fuq Twitter, il-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmstrom irringrazzjat lill-Gvern Taljan talli aċċetta l-immigranti irregolari li kienu abbord it-tanker MV Salamis, wara li l-Gvern Malti ma awtorizzax lill-Kaptan biex jidħol Malta.

Fi Tweet oħra, Malmstrom qalet li l-pajjiżi kollha għandhom juru solidarjeta' mal-immigranti u mhux biss Malta, l-Italja u l-Greċja. 

Fl-istess waqt jispikkaw il-kummenti bosta minnhom negattivi tal-Maltin fuq Facebook fil-konfront tal-Kummissarju Ewropew. 

Il-kummenti jindikaw in-nuqqas ta' solidarjeta' ma' Malta fl-isfida tal-immigrazzjoni irregolari. 

F’Debating Europe, Cecilia Malmstrom qalet li s-sistema Ewropea tal-ażil kif inhi llum mhix tajba biex tilħaq mal-globaliżazzjoni li qed iġġib magħha l-immigrazzjoni.

Il-Kummissarju Ewropew qalet li hemm diskrepanza kbira bejn il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea fil-mod kif jitrattaw l-immigranti.

Kien għalhekk sostniet li bdiet id-diskussjoni biex jintlaħaq qbil komuni fuq sistema aktar moderna.

Malmstrom qalet li fil-preżent huma biss ftit pajjiż li qed jaċċettaw l-immigranti u s-sistema l-ġdida se tkun qed titlob il-ħolqien ta’ qafas għall-ażil fost il-pajjiżi kollha.

F’Ġunju li għadda, il-Parlament Ewropew ivvota favur regoli ġodda dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil.

Waqt id-diskussjoni, l-Ewroparlamentari Maltin sostnew li s-sistema l-ġdida mhux se toffri s-solidarjeta’ meħtiega ma’ Malta.