Filmat: “Malli sirt nanna sabuli kanċer” – Gertrude

Gertrude Abela nstabilha kanċer tas-sider propju meta kienet għadha kemm saret nanna. Abela, li tiġi l-President tal-għaqda Europa Donna Malta kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar l-esperjenza tagħha mal-marda tal-kanċer.

Abela qalet li l-kanċer tas-sider instabilha 20 sena ilu. Qalet li kienet waħda minn dawk li tagħmel il-mammogram b’mod regolari. Sostniet li minkejja dan, hi skopriet b’boċċa, li eventwalment instab li kienet kanċer, tliet xhur biss wara li kienet għadha kemm għamlet it-test tal-mammogram. Sostniet li mbilli persuna tagħmel il-mammogram ma jfissirx li ma jistax jitfaċċa l-kanċer għal xi numru ta’ snin. Insistiet li huwa important li wieħed dejjem jibqa’ jiċċekkja lilu nniffsu.

Irrakkuntat kif 20 sena ilu kien hawn it-trattamenti u kellha tagħmel il-kimoterapija u r-raġġi. Qalet li kawża ta’ dan waqalha xagħarha, imma mbagħad biż-żmien reġa’ twal. Dak iż-żmien, hi kellha ħamest itfal li kollha kienu għadhom żgħar, l-iżgħar ta’ 11-il sena. Intant hi kienet għadha kemm saret nanna, u għalhekk kienet tgħid lilha nnifisha li ma kinitx se tħalli l-marda tal-kanċer tirkibha. Qalet li b’hekk għamlet minn kollox biex tibqa’ tgħix.

Filwaqt li sabet ħafna għajnuna mill-qraba u l-ħbieb tagħha, Abela qalet li Europa Donna kienet ta’ wens kbir għaliha. Dan huwa grupp ta’ sapport għal persuni li jkunu għaddejjin mill-marda tal-kanċer. In-nisa li jagħmlu parti minn dan il-grupp jagħtu s-sapport u jgħinu lil xulxin fi żmien kemmxejn diffiċli. Abela spjegat li wara li għamlet l-operazzjoni, l-ewwel għajnuna li sabet kienet ta’ mara li għaddiet mill-kanċer u li wasslitha sabiex issib l-għajnuna mill-grupp.

Illum, Abela, li fieqet mill-kanċer, tinsab tmexxi l-għaqda Europa Donna bħala President.

Jekk tixtieq titlob l-għajnuna tal-għaqda, tista’ tagħmel dan billi ċċempel fuq 99994666 jew inkella tibgħat e-mail fuq info@europadonnamalta.org.mt.