Filmat: “Mal-40% tal-Maltin imorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd”

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li skont studju li għamlet il-Knisja rriżulta li qrib l-40% tal-popolazzjoni qalu li jmorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd u li 72% jgħidu li jmorru l-quddies darbtejn fix-xahar.
Barra dan l-istudju li sar mill-kumpanija MISCO, l-Arċisqof fakkar ukoll li sar ċensiment li kejjel kemm marru nies f’Ħadd partikolari. Iċ-ċensiment sar f’Diċembru li għadda u tmexxa minn Discern, iċ-ċentru ewlieni għar-riċerka fi ħdan il-Knisja.
Dawn iċ-ċifri l-Arċisqof żvelahom waqt il-programm Follow-Up, intervistat minn Fr Joe Borg.
Newsbook.com.mt huwa infurmat illi r-riżultati taċ-ċensiment u tal-istħarriġ l-ieħor se joħorġu għada.
L-Arċisqof qal li dawn iċ-ċifri jikkomparaw tajjeb ħafna ma’ dawk f'pajjiżi Ewropej fejn l-attendenza għall-quddies tal-Ħadd tkun ta’ 10% jew 5%. Żied jgħid li f’Malta dieħla wkoll drawwa li diġà daħlet barra minn Malta fejn l-insara jħossu li ma hemmx għalfejn jisimgħu quddies kull nhar ta’ Ħadd.
L-Arċisqof qal li rridu naħdmu biex l-esperjenza tal-quddies tkun esperjenza sabiħa għal kull min jattendi u biex jinstab mod kif jintlaħqu dawk li ma jmorrux kull nhar ta’ Ħadd.
Mons. Scicluna qal li ħassu sorpriż, għax ma stenniex li ċ-ċifri se jkunu daqshekk pożittivi u sostna li dan juri li l-poplu Malti għadu jgħożż il-kultura Nisranija tiegħu.
Huwa  semma wkoll stħarriġ separat li sar mill-ġurnal MaltaToday għal Jum l-Għid. Għall-mistoqsija oħra magħmula mill-gazzetta rriżulta li aktar minn 90% jgħidu li huma Kattoliċi. L-Arċisqof qal li l-istħarriġ li għamlet il-Knisja wassal għall-istess ċifra.
Ritratt: Ian Noel Pace