Filmat: “M’aħniex ngħidu li m’hawnx kwistjonijiet finanzjarji” – Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern mhux qed jgħid li m’hawnx kwistjonijiet finanzjarji f’Malta, iżda skontu, ħafna nies b’aġenda kontra Malta għandhom f’moħħhom li jħammġu r-reputazzjoni tal-pajjiż. Dan qalu b’reazzjoni għall-kummenti li għamel il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC f’Malta Andrew Beane.

Beane ddeskriva l-2018 bħala sena diffiċli għas-settur finanzjarju f’Malta u appella għal iżjed regolamenti, partikolarment fir-rigward tal-ħasil tal-flus u t-twettiq tas-sanzjonijiet.

Filmat: HSBC inaqqas fil-qligħ u jilmenta li isem Malta mar lura

Scicluna insista li ċerti gruppi ta’ nies għamlu l-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta u beħsiebhom jibqgħu jagħmlu hekk fil-Parlament. Huwa ma xtaqx jelabora dwar fuq min kien qed jitkellem, iżda qal li l-Maltin jafu għal min kien qed jirreferi.

Skont il-Ministru, huma nofs veritajiet li qegħdin iħammġu r-reputazzjoni ta’ Malta, li huwa qal kollha ġejjin mingħand l-istess sors.

Fir-rigward tal-HSBC, Scicluna qal li l-kummenti ġejjin minn post li kien tgħallem mill-esperjenzi tiegħu. Spjega li l-HSBC inbidel u kien qed jistenna banek oħra li jinbidlu u jitgħallmu mill-esperjenzi tiegħu.

Aqra r-rapport kollu hawn.

Filmat: Luke Zerafa