Filmat: “M’aħniex lesti nċedu d-dritt li noffru ċ-ċittadinanza” – Muscat

Għada jiġu ppubblikati r-regoli l-ġodda

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat qal li Malta qed tħejji t-tweġiba tagħha għall-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-bejgħ taċ-ċittadinanza, u se tgħidilha li filwaqt li minn għada se jiġu introdotti regoli ġodda għaċ-ċittadinanza, Malta temmen li ċ-ċittadinanza hi kompetenza nazzjonali ta’ kull stat membru. Saħaq li “m’aħniex lesti nċedu d-dritt sagrosant li noffru ċ-ċittadinanza aħna.”

F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Muscat spjega li l-Gvern mhu jikser l-ebda liġi Maltija jew Ewropea bil-bejgħ tal-passaporti. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea ma qablitx mal-prinċipju tingħata ċ-ċittadinanza Maltija lil dawk li jiddeċiedi li jinvestu fil-pajjiż. Dan se jiġi indirizzat fir-regoli l-ġodda.

Fl-azzjoni li ħadet kontra Malta minħabba l-programm ta’ investiment bil-bejgħ tal-passaporti, il-Kummissjoni Ewropea nnutat li programm bħal dan, li jagħti ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea lil kwalunkwe persuna, idgħajjef l-essenza ta’ din iċ-ċittadinanza. Il-KE ħadet azzjoni kontra Ċipru fuq il-programm tiegħu wkoll.

Muscat spjega li Malta ngħatat tmien ġimgħat biex tirrispondi b’ittra ta’ intimazzjoni, u issa fadlilha erba’ ġimgħat. Qal li fil-ġranet li ġejjin għandu jkun hemm l-ewwel abbozz ta’ risposta, li se tkun “b’saħħitha ħafna mil-lat legali, nemmnu li għandna argument legali b’saħħtu.”

Din l-ittra tiddetermina jekk imbagħad il-Kummissjoni Ewropea tressaqx il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Is-Segretarju Parlamentari ma eskludiex li l-każ jasal s’hemm.

F’laqgħa mal-ġurnalisti llum, Muscat qal li l-aġir tal-KE fil-konfront tal-gżejjer Malta u Ċipru huwa ta’ tħassib għax il-programm “ħadd ma rregolah daqsna imma aħna l-aktar li ġejna kkritikati.” Sostna li r-regoli l-ġodda issa huma simili ta’ pajjiżi oħrajn, imma aħjar minnhom. Is-Segretarju Parlamentari spjega kif hu ħa ħsieb jiltaqa’ mal-ambaxxaturi Ewropej sabiex jiddiskuti magħhom il-programm il-ġdid.

Fost l-oħrajn, dan il-programm se jara li tkun miġġielda aħjar it-taqtigħa kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus. Għandu jkun hemm aktar trasparenza billi jiġu ppubblikati l-ismijiet ta’ min ikollu ċ-ċittadinanza Maltija u titteħidlu, apparti l-ismijiet ta’ kull min jieħu ċ-ċittadinanza Maltija. B’hekk se jkun hemm żewġ listi, u dik li tinkludi ċ-ċittadini Maltin il-ġodda mhix se tispeċifika kif kisbu ċ-ċittadinanza – jekk hux bi żwieġ, b’mertu, eċċ. – sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni.

Fost l-oħrajn, ir-regoli l-ġodda jgħidu li:

  • L-applikanti se jgħaddu minn proċess ta’ diliġenza qabel ikunu eliġibbli biex japplikaw
  • Se jiġi żgurat li s-sors tal-fondi tal-applikanti huwa leġittimu
  • L-għadd ta’ applikanti li jieħdu ċ-ċittadinanza limitat għal 1,500; mhux aktar minn 400 fis-sena
  • Se jkun ipprojbit riklamar aggressiv mill-aġenti u l-promozzjoni tar-regolamenti li jwasslu għaċ-ċittadinanza
  • Se titneħħa l-klawsola li ppermettiet lill-Ministru jagħti ċ-ċittadinanza lil individwi li ma ssodisfawx il-kriterji legali bażiċi.