Filmat: Magna ġdida fl-isptar li tagħmel sa 800 test tal-coronavirus kuljum

Fl-Isptar Mater Dei għadha kemm waslet magna speċjalizzata biex tagħmel it-testijiet tal-coronavirus li tagħmel sa 800 test kuljum. Malta huwa wieħed mill-ewwel pajjiżi Ewropej li se juża din il-magna.

Il-magna se tirriduċi l-ħin tal-ipproċessar tat-test fi kwistjoni ta’ minuti. Dan ifisser li l-Awtoritajiet tas-Saħħa se jkunu f’pożizzjoni li jagħtu r-riżultat tat-test tal-coronavirus dakinhar stess li jittieħed.

Id-Deputat Prim Minsitru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar id-Dipartiment tal-Patoloġija f’Mater Dei, waqt li kienu qed isiru l-aħħar preparamenti qabel din il-magna robotika tibda titħaddem fis-sigħat li ġejjin. Huwa qal li f’Malta se tibda titħaddem din il-magna peress li l-pajjiż kien minn ta’ quddiem li ħaseb f’dawn l-affarijiet.

Fearne qal, “Iktar ma nagħmlu testijiet f’dan l-istadju bikri, iktar inkunu f’pożizzjoni li nagħtu kura mill-ewwel lill-pazjenti li huma pożittivi għall-Covid-19, u fl-istess waqt niżolawhom minnufih biex inwaqqfu milli jinfirex dan il-virus f’pajjiżna.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn