Filmat: Maġistrat u raġel arrestat jagħrfu ‘l xulxin minn żmien l-iskola

Filmat emozzjonanti juri l-mument meta maġistrat tagħraf il-persuna li tressqet quddiemha bħala dak li “kien l-aqwa fost sħabu” meta kienu flimkien l-iskola.
Il-filmat meħud minn kamera fl-awla fi Florida, juri lil Arthur Booth ta’ 49 sena jitressaq quddiem il-maġistrat Mindy Grazer, akkużat li wettaq serqa u li rreżista l-arrest.
Wara li tatu l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €38,700, il-Maġistrat Glazer staqsiet mistoqsija lir-raġel: “Xtaqt nistaqsik jekk attendejtx l-iskola ta’ Nautilus?”  
F’dan il-mument, ir-raġel jagħraf lill-maġistrat bħala dik li kienet miegħu l-iskola, jinfaqa’ jibki u jgħajjat. Il-maġistrat tkompli tgħidlu li jiddispjaċiha tarah hemmhekk u tistaqsi xi ġralu. Imbagħad spjegat lil dawk preżenti li meta kienu l-iskola flimkien, dan ir-raġel kien l-aqwa wieħed fost sħabu, kienu jilagħbu l-futbol flimkien, imma issa ġralu hekk.
Il-maġistrat għalqet billi awgurat lir-raġel li jibdel triqtu u jsib ix-xorti f’ħajtu.