Aġġornata: Filmat: Madwar 200 persuna sebħu jistennew barra Evans Building

Read in English.

Madwar 200 persuna kienu qed jistennew barra l-bini ta’ Evans Building, waħda mill-binjiet ta’ Identity Malta.

L-Identity Malta għamlet kuntatt ma’ Newsbook.com.mt u spjegat li l-vidjow kien meħud fil-ħin li kienet għadha kemm fetħet l-Expatriates Unit. Sostna li ħafna jippreferu jmorru jistennew kmieni.

Francesco Nanni, wieħed mill-persuni li kien fuq il-post, tkellem ma’ Newsbook.com.mt. Hu spjega li kellu bżonn jirranġa l-indirizz tad-dar, biċċa xogħol li faċilment setgħet issir mid-dar permezz tal-internet li kieku kien hemm il-faċilità onlajn. Nanni qal li dan seta’ sar mill-faċilità tad-dar speċjalment issa li saret ir-riforma fil-kiri. Hu qal li kulma jrid isir hu li jgħaqqdu l-portals flimkien biex kollox isir online.

Skont Nanni, jistennew barra kien hemm kemm membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll oħrajn li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea. Hu ddeskriva l-kju li kien hemm bħala kaos organizzat.

Aktar kmieni din is-sena, xugamani tal-baħar, lilos u mħaded ingħataw lil persuni barranin li baqgħu jistennew quddiem Identity Malta matul il-lejl. Dan wara li bosta persuni ma rnexxilhomx jinqdew il-ġurnata ta’ qabel biex jingħataw permess għax-xogħol.

‘Kważi kulħadd kien ġewwa nofs siegħa wara li nfetħu l-bibien’ – Identity Malta

Il-kelliem tal-Identity Malta sostna li sat-8.30am kulħadd kien ġewwa jistennew. Huwa sostna ma’ Newsbook.com.mt li minħabba li beda x-shutdown ħafna ħadu din l-opportunità biex jġeddu l-permess tar-residenza. Żied jgħid li dan sar anki fid-dawl li matul l-aħħar ġimgħa numru ta’ applikanti rċievew l-approvazzjoni tal-iscreening tas-saħħa.

Huwa temm jgħid li l-Identity Malta qed iddur il-proċeduri eżistenti tagħha biex ħafna mis-servizzi li toffri jibdew jiġu offruti online. Żied jgħid iżda li wieħed għandu jżomm f’moħħu li mhux kull servizz jista’ jiġi online minħabba raġuni ta’ sigurtà.

Il-kelliem tal-Identity Malta stqarr li se jkun hemm pjattaforma online fejn min iħaddem u dawk il-ħaddiema li ġejjin minn barra jkunu jistgħu jirreġistraw online.

AQRA:  Xugamani, lilos u mħaded mill-Maltin għal dawk jistennew id-dokumenti minn Identity Malta

Filmat: Francesco Nanni