Filmat: Madonna xi ġralna – Peppi

Dal-lejl ma stajtx norqod. Fix-xogħol tiegħi intervistajt persuni immigranti li huma u ġejjin inqalbet id-dgħajsa u għerqu wħud minnhom. Kont intervistajt wieħed li kien ġej mal-mara u mat-tifel, f’nofs ta’ baħar beda dieħel jgħaġġel l-ilma u qaleb id-dgħajsa… il-missier tilef lil martu u lil ibnu u beda jfittixhom f’baħar jibla’ l-art… jirrakkonta kif ra lil ibnu tiegħla u nieżel għall-aħħar nifs, mar għalih u mewġa reġgħet tilfitu. L-omm u t-tifel jegħrqu. Il-missier isalva. Illum tabib qed ifejjaq lill-morda Maltin, fuq il-front biex jgħinna. Mal-lejl bdejt inġib lit-tifel tiegħu. Bdejt nara l-wiċċ ta’ iswed addottat minn familja ħabiba tiegħi. Ma flaħtx. Qomt u ktibt din il-poeżija.

Messaġġ miktub mill-Professur Albert Borg:

Kif wasalna s’hawn? Minn xiex trid tkun magħmula qalb umana biex tkun kapaċi tinjora l-karba ta’ omm biex insalvawlha għallinqas lil binha, jekk ma rridux insalvaw lilha u lil sħabha? Kif nista’ mmur norqod u nqum waqt li hemm barra hemm bnedmin bħali qed imutu bil-għatx u jistennew li jiblagħhom il-baħar minn mument għall-ieħor? U kif nista’ nieħu sehem fit-tifkira tal-Passjoni, il-mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu? Hu la qiegħed fl-Ecce Homo tal-kartapesta u lanqas fl-istatwa tal-Irxoxt, għax leħaq ħa postu fuq dik id-dgħajsa, ftit kilometri ‘il barra mill-portijiet tagħna. U mbilli nipprova nsikket il-kuxjenza għax hemm pajjiżi ikbar minna li suppost jaqsmu dan il-piż magħna? Il-baħar mhux se jistennieni sakemm niddiskuti u nħaqqaqha magħhom. Ara, id-dgħajsa m’għadhiex hemm: forsi ġabrithom xi ruħ tajba oħra… jew forsi leħqu għerqu msieken…ħeqq, kieku jien kont qed nipprova noħloq sistema u arranġament sostenibbli mal-pajjiżi ġirien tagħna u ma’ tal-Unjoni, biex mhux kull darba tiġri din l-emerġenza…ħeqq, għal darb’oħra…, forsi mbagħad nilħquhom fil-ħin. Stenn, hemm x’qed nara f’wiċċ l-ilma bil-ħut jilgħab magħha? Le, le, xejn speċjali…gażaża maħmuġa biss, tal-plastik…