Filmat: “Ma tkellimtx ma’ Louis Galea fuq l-ittra” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma tkellimx ma’ Louis Galea fuq l-ittra li dan kiteb biex jibda l-proċess għal tmexxija ġdida fil-Partit.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar dan wara li ħabbar fuq NET TV li beħsiebu jibqa’ fit-tmun tal-Partit, Delia afferma li hu ma tkellimx ma’ Galea dwar l-ittra li Galea kitiblu li fiha żvela kif is-Sibt li għadda huwa ltaqa’ mat-tmexxija attwali tal-PN u stqarr li minn dakinhar sal-lum huwa jħoss li ma ġie rreġistrat l-ebda progress dwar ftehim fuq tim ta’ tmexxija ġdid.

Galea, li qed imexxi r-riforma fil-Partit Nazzjonalista, qal li kiteb lill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione biex jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex fl-iqsar żmien possibbli jagħżel tim ġdid għat-tmexxija tal-partit. 

Ilbieraħ kien jum ta’ kriżi għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, peress li wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista nhar l-Erbgħa, ilbieraħ iċċirkolat stqarrija mhux iffirmata li 17-il Deputat Nazzjonalista bdew iħeġġu lil Delia jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar jekk jibqax kap tal-partit jew le.

Dan kollu segwa r-riżultati ħżiena li kiseb Delia fis-sondaġġ tal-MaltaToday, fejn irriżulta li Delia għandu 13.5% tal-fiduċja tal-poplu.

Newsbook.com.mt u ġurnali oħrajn ilbieraħ irrappurtaw li l-President George Vella bagħat għad-deputati Nazzjonalisti għal laqgħa, iżda iżjed tard tħabbar li dawn il-laqgħat skedati tħassru.

Adrian Delia qal lil Newsbook.com.mt li l-President lilu ma ċempillux u m’għamel l-ebda kuntatt miegħu.

Tul il-jum, Newsbook.com.mt irrapporta li l-President jista’ jaġixxi biex ineħħi lill-Kap tal-Oppożizzjoni, peress li l-Kostituzzjoni tħalli l-ġudizzju f’idejn il-President, skont dak li qal l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello.

Filmat: Monique Agius