Filmat: ​“Ma tistax tkun favur tip ta’ ugwaljanza u tkun kontra tip ieħor” – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li wieħed ma jistax ikun favur tip waħda tal-ugwaljanza u jkun kontra ugwaljanza ta’ xorti oħra.
Muscat kien qed jitkellem fil-ftuħ tas-Sammit tal-Commonwealth f'Londra. Qal li filwaqt li l-Commonwealth għandu jirrispetta l-kulturi differenti tal-pajjiżi, għandu jkun il-forza li tinkoraġġixxi l-membri tiegħu biex iħaddnu l-valur tal-ugwaljanza.
Muscat qal li fid-dinja, "l-affarijiet li qabel kienu ovvji issa huma mdawrin bl-inċertezza. Filwaqt li qed ikompli jsir il-progress, dan mhux qed isir b’mod konsistenti. Minkejja dan kollu, il-Commonwealth qed jesperjenza interess ġdid, b’familja li qed tikber u bit-tibdiliet pożittivi li qed iseħħu.”
Il-Prim Ministru qal li Malta temmen li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet ugwali għall-persuni LGBTIQ għandhom jibgħu fuq l-aġenda tal-Commonwealth. 
Muscat irringrazzja lir-reġina tal-interess personali li tieħu fil-Commonwealth.
Il-Prim Ministru jiddiskuti l-problemi ta' stati gżejjer żgħar fil-Commonwealth
Il-Prim Ministru attenda wkoll żewġ sessjonijiet fejn qed jiġu diskussi l-problemi ta' stati gżejjer żgħar fejn ġew enfasizzati l-vantaġġi u l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-istati gżejjer żgħar.
Fl-ewwel sessjoni l-Prim Ministru semma kif waħda mill-akbar problemi hija l-konnettività ma' pajjiżi kbar u li Malta qed taħdem biex ittejjeb dan l-aspett permezz ta' servizzz aqwa tal-Air Malta.
Ritratt: OPM