Filmat: Ma tħossx ostilità lejn min qed jattakkaha

Minn Taħt L-Ilsien - Amber Grace

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista MINN TAĦT L-ILSIEN – Amber Grace (Rita Pace Singer and Songwriter, Marco Debono)

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Wednesday, August 19, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM. Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Minn Taħt l-Ilsien

Kantanta: Amber Grace

Kliem: Rita Pace

Mużika: Marco Debono

Minn Taħt l-Ilsien hija kanzunetta li titratta t-tema tal-ibbuljar kemm l-iskola u anki f’ambjent tax-xogħol. Hija l-istorja ta’ persuna li qed tiġi attakkata minħabba d-dehra tagħha u l-mod kif tilbes minn persuna li tiltaqà magħha ta’ spiss. Minkejja l-uġigħ emozzjonali, il-persuna tħoss li ħadd m’għandu dritt jirredikola lil ħadd għax huwa differenti u jesprimi l-individwalità tiegħu imma ma tħossx ostilità lejn min qed jattakkaha. Pjuttost tixtieq li kulħadd ikun aċċettat kif inhu u jkunu ħbieb.

Amber Grace. Ritratt: Joseph Agius Attard

Amber Grace hija kantanta ta’ 17-il sena. Kienet fil-finali f’diversi kompetizzjonijiet fosthom L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ u Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior. Amber irnexxielha tikklassifika fit-tielet post mal-ewwel darba li pparteċipat fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2019.

Fl-aħħar esperjenza tagħha rnexxielha tikklassifika wkoll fit-tielet post fil-EuroPop Contest fil-Ġermanja fejn ipparteċipaw 22 pajjiż. Kellha l-opportunità tkanta mal-Banda tal-Pulizija ta’ Malta f’diversi okkażjonijiet fosthom fl-August Moon Ball li bla dubju kien unur kbir.

Din is-sena qed taħdem fuq proġetti ġodda u ħerqana sabiex taqsamhom mal-pubbliku.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.