Filmat: ‘Ma nkunx kredibbli jekk nitkellem dwar l-Amażonja u ninsa s-siġar Maltin’ – Agius Saliba

Read in English.

L-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba sostna li ma jkunx kredibbli jekk fil-Parlament Ewropew jitkellem dwar il-qerda tas-siġar fil-foresta tal-Amażjona, imbagħad jaħbi taħt it-tapit il-qerda tas-siġar f’Malta.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Agius Saliba sostna li f’Malta hemm bżonn li jinstab bilanċ. Spejga li hu jiġġustifika l-kritika li qed issir dwar ċertu proġetti infrastrutturali. Insista li l-vuċi tal-attivista għall-ambjent hija importanti u ma għandhiex tiġi msikkta. Insista li fid-dinja tal-lum, wieħed ma jistax ma jkunx ambjentalist. Dan b’mod speċjali fi gżira żgħira bħal Malta, fejn is-siġar u l-ambjent huwa limitat.

Aqra: L-Isqfijiet Amerikani wkoll imħassba dwar in-nirien fl-Amazonia

Intant sostna li ħafna mill-proġetti tal-iżvilupp li qed isiru kienu bżonnjużi u ilhom biex isiru snin twal. Spejga li każ ewlieni huwa dak tal-Marsa Junction li se jagħmel il-ħajja ta’ persuni li jgħixu fin-Nofsinhar tal-pajjiż iktar faċli. Qal li jemmen li Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma koordinata biex jinstab il-bilanċ neċessarju bejn il-preservazzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp tal-pajjiż. Intant irrimarka li qatt ma jaċċetta li jkun hemm proposti u żviluppi fuq żoni ħodor.

Agius Saliba insista li ma jkunx kredibbli li jmur fil-Parlament Ewropew u jitkellem dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun aktar pro-attiva fejn tidħol il-foresta tal-Amażonja, imma mbagħad jaħbi taħt it-tapit il-problema lokali. 

Aqra: Il-pajjiżi tal-G7 joffru għajnuna ta’ emerġenza għan-nirien fl-Amazon

L-Ewroparlamentari qed ikun vokali fil-Parlament Ewropew dwar il-qerda tal-Amażonja. Hu sostna li din il-foresta tkopri 20% tal-arja. Insista li ma tistax titħalla tinqered u ma jsir xejn. Sostna li fit-tmexxija tal-President tal-Brażil Jair Bolsonaro, in-nirien aċċidentali żdiedu b’85%. Insista li l-Unjoni Ewropea għadha ma ħadet l-ebda pass konkret biex din il-foresta importanti għad-dinja b’mod globali, huwa pulmun ewlieni u għandu jkun protett b’kull mod possibbli.