Filmat: “Ma nistgħux nipposponu Brexit għal soluzzjoni fil-vojt” – Il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Brexit ma jistax jibqa’ jiġi pospost biex tinstab soluzzjoni fil-vojt, imma s-soluzzjoni li jsir qbil dwarha għandha tkun waħda sensibbli.

Il-mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea llum huma mistennija li jiddeċiedu dwar jekk ir-Renju Unit għandux jingħata estensjoni tad-data tat-tluq mill-Unjoni Ewropea, itwal minn dak stipulat oriġinarjament, u dwar kemm għandu jkun twil dan il-perjodu.

Brexit: Ir-Renju Unit aktarx jingħata estenzjoni sal-aħħar tas-sena

Muscat qal li d-deċiżjoni li se tittieħed se tkun fl-aħjar interess ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea. Dan qalu waqt li qiegħed jattendi għall-Kunsill Ewropew Straordinarju dwar l-Artiklu Ħamsin, li qiegħed jitlaqqa’ llum fi Brussell.

Brexit: May titlob għal estenzjoni sat-30 ta’ Ġunju

Oriġinarjament, skont il-konklużjonijiet tal-aħħar Kunsill Ewropew li sar f’Marzu li għadda, ir-Renju Unit ingħata estensjoni sat-22 ta’ Mejju biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea jekk jiġi bi pjan ta’ kif il-Parlament tar-Renju Unit se jkun qed japprova l-Ftehim tat-Tluq. Iżda fin-nuqqas ta’ dan, id-data tat-tluq mingħajr ftehim kellha tkun it-12 t’April, li kien ifisser li r-Renju Unit jitlaq mingħajr ftehim, u kien propju għalhekk li ntalbet din l-estensjoni.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista David Stellini qal li huwa fl-interess ta’ Malta li ma jintemmux in-negozjati għal Brexit issa. Stellini qal li Malta tappoġġja estensjoni għal Brexit ġaladarba r-Renju Unit jassigura li jkun qed jikkopera b’mod sinċier.