Filmat: “Ma nistgħux ngħidu li qed ngħixu fl-aqwa żmien” – Immanuel Mifsud

Read in English.

Ma nistgħux ngħidu li qed ngħixu fl-aqwa żmien. Dan qalu l-kittieb u poeta magħruf Malti Immanuel Mifsud f’intervista ma’ Newsbook.com.mt.

Illejla Mifsud se jkun qed iniedi l-ktieb tiegħu ‘L-Aqwa Żmien’. Hu silef it-titlu tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista fl-2017.

Mistoqsi dwar jekk qatax qalbu minn Malta, Mifsud sostna li iva. Irrimarka li huwa bniedem negattiv u ma għandux fiduċja kbira li l-affarijiet se jibidlu. Madanakollu sostna li joqgħod attent għal dak li jgħid għax ma jridx li jkun hu li jaqta’ qalb dawk li jaħdmu qatta’ bla ħabel sabiex jaraw lil Malta tinbidel għall-aħjar.

Minkejja dan sostna li jħoss li jekk hemm xi ħaġa li għandu jgħid, se jgħidha. Anke jekk jaf li se tkun ħanqa ta’ ħmar. Kien hawn li rrimarka li f’Malta, il-kittieba ma jibdlux il-pajjiż. Qal li dan minħabba li l-Malti mhux bniedem li jaqra, u allura, il-kittieb ma jistax ikollu poter. Sostna li f’pajjiż fejn il-poplu jaqra, il-kittieb għandu ċans ikbar li jħalli effett.

Għaldaqstant, Mifsud innota li l-ktieb li qed jippubblika jikkonsisti f’numru ta’ stejjer qosra li jgħaddu messaġġi politiċi. Hu emfasizza li ried isib mod ta’ kif jikkummenta fuq is-sitwazzjoni ta’ madwaru. Hu u jitkellem dwar il-ktieb, Mifsud qal li filwaqt li l-Partit Laburista għażel ‘L-Aqwa Żmien’ bħala l-islogan tiegħu, meta wieħed josserva l-umanità li suppost tinsab fl-aqwa tagħha, jinduna li dan mhu veru xejn. Hu kkummenta li messaġġi bħal dawn jintużaw minn politiċi u partiti sabiex iwiegħdu futur aħjar.

Il-ktieb ma jirreferix biss għal każijiet li ġraw f’Malta. Il-qarrej jista’ jara kif Mifsud qed iħares lejn dak li qed jiġri b’mod globali. Insista li ma jemminx li qed ngħixu fl-aqwa żminijiet u sostna li dan la f’Malta u lanqas barra mill-pajjiż. L-aqwa żmien ifisser li l-umanità tkun waslet fil-quċċata tal-evoluzzjoni tagħha. Spjega li sakemm għandek persuni li qed jgħixu fil-garaxxijiet, oħrajn li lanqas jistgħu jlaħħqu mal-kera, jew inkella xi ħadd jirċievi mibgħeda qawwija sempliċiment minħabba l-kulur tal-ġilda, wieħed ma jistax jgħid li qed jgħix fl-aħjar żmien.

Filmat: Miguela Xuereb