Filmat: “Ma nistgħux inqassmu l-vawċers tal-MCCFF bl-addoċċ” – il-President

Read in English.

Il-President George Vella sostna li t-tibdil li sar fil-mod ta’ kif jitqassmu l-vawċers tal-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) sar għax il-vawċers ma setgħux jibqgħu jitqassmu bl-addoċċ.

Hu u jwieġeb mistoqsijiet tas-segwaċi ta’ Newsbook.com.mt waqt intervista live minn Fr Joe Borg u Sylvana Debono, Vella spjega li għall-bidu kienu jitqassmu bi €30,000 fix-xahar f’ vawċers. Spjega li sakemm wasal hu, is-somma kienet laħqet dik ta’ €285,000 fix-xahar.

Vella qal li kienet tingħata karta ta’ madwar €50 li wieħed seta’ juża għall-bżonnijiet bażiċi, bħall-ikel. Irrimarka li kien hemm każijiet ta’ persuni li minflok kienu jixtru dawn il-bżonnijiet, kienu jġemmgħu l-flus u mbagħad jonfquhom fuq affarijiet oħrajn. Sostna li allura dan iffiser li mhux vera qed jitolbu l-flus għax qed isofru l-ġuħ.

Hu kompla billi spjega li ma kienx hemm sistema effiċjenti ta’ kif wieħed kien japplika biex jingħata l-għajnuna tal-MCCFF. Qal li qabel persuna setgħet tmur għand l-MCCFF, tagħti ftit dettalji, u tingħata voucher. Xi ħames xhur wara, din il-persuna kienu jsirulha l-assessments u jekk tinstab li m’għandhiex bżonn l-għajnuna xorta titħalla żżomm il-flus li tkun ħadet fix-xhur preċedenti.

Minħabba f’hekk, il-President qal li nbidlet is-sistema għal waħda aktar stretta. Qal li jekk mara tad-dar għamlet sagrifiċċju biex tat donazzjoni ta’ €25, mela jrid jassigura li dan is-sagrifiċċju qed imur għall-għajnuna ta’ persuni fil-bżonn. Għalhekk bdiet sistema ta’ “means testing”, li tara li “dak li jkun jekk ħaqqu ħa jieħu jekk le ma jieħux”.

Il-President semma kif mal-bidu ta’ din is-sitema, l-ammont ta’ persuni li talbu għall-flus naqsu għax bdew jibżgħu li se jinqabdu. B’hekk baqgħu biss każijiet ġenwini. Insista li min japplika u jgħaddi mit-test se jieħu l-flus mingħajr diskussjonijiet.