Filmat: Ma niddubitax ir-riżultat tas-survey dwar Delia u l-PN – Schiavone

Laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN illejla

Read in English.

Il-MP tal-PN Hermann Schiavone qal li ma jiddubitax is-sondaġġ li ħareġ il-Ħadd li għadda. Is-survey li sar mill-MaltaToday żvela li Adrian Delia għandu l-inqas livell ta’ fiduċja li qatt kellu.

F’kummenti mal-midja qabel laqgħa tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Schiavone qal li jaħseb li jkun żball jekk mhux kulħadd jerfa’ r-responsabilitajiet tiegħu wara r-riżultat tal-Ħadd. Qal li ma jiddubitax is-sondaġġ li qal li “huwa riżultat ta’ ħafna fatturi.” Qal li kulħadd irid jistaqsi lilu nnifsu għalfejn il-PN ġab dak ir-riżultat.

Mistoqsi dwar jekk għandux jirreżenja Delia, Schiavone qal li l-Kap tal-PN diġà ġie kkonfermat bħala kap u li l-futur tiegħu mhix fuq l-aġenda.

L-MPs l-oħra li għaddew minn quddiem il-ġurnalisti li nġabru quddiem id-Dar Ċentrali ma tawx kummenti dwar Adrian Delia.

Skont sorsi ta’ The Malta Independent, illejla se jiġi diskuss ir-riżultat tas-sondaġġ.

Il-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela kiseb fiduċja ta’ 62.5% fl-ewwel stħarriġ tal-gazzetta MaltaToday. Dan jikkontrasta ma’ 13.5% li kiseb il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. B’hekk Dr Abela għadda lil Dr Delia b’49 punt, b’tal-aħħar imiss qiegħ ġdid fl-appoġġ mill-poplu f’temp ta’ sentejn.

Filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rreżista r-riżultat tal-istħarriġ tal-MaltaToday bil-wegħda li se jibqa’ jissielet, għadd ta’ Membri Parlamentari tal-PN qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-pożizzjoni ta’ Delia bħala mexxej tal-partit m’għadhiex tenibbli. Għalkemm diversi MPs qalu li għandu jirriżenja b’rispett lejn il-pajjiż, Delia jemmen li d-dover tiegħu lejn il-pajjiż huwa li jkompli jiġġieled.

Filmat: Miguela Xuereb