Filmat: “Ma nħoss l-ebda rimors” – Bjorn Vassallo

Replay Net TV

Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo stqar li m’għandu ebda rimorsi għal mod ta’ kif hu u l-assoċjazzjoni sportiva li jippresjedi, mexxiet l-affarijiet fil-perjodu ta’ meta faqgħet il-pandemija tal-COVID-19 f’Malta u l-futbol lokali kellu jieqaf ħesrem, b’konsegwenza li kellhom jittieħdu deċizjonijiet straordinarji. Vassallo kien qed jitkellem fl-ewwel programm tas-sena l-ġdida, Replay fuq Net Television fejn hu kien il-mistieden ta’ Christian Micallef. Matul dan il-programm, Vassallo tkellem dwar diversi temi u suġġetti ta’ interess, fejn għal darb’oħra reġa’ spjega li l-futbol milgħub twaqqaf fuq avviż legali li kien ħareġ il-Gvern, u setgħa jitkompla biss meta l-istess Gvern, biddel l-avviż legali għal wieħed li kien jippermetti li l-attivitajiet sportivi setgħu jissoktaw mill-ġdid.

F’Replay tal-bieraħ filgħaxija, Vassallo tkellem ukoll dwar l-isfidi li hu u ll-MFA, kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom matul l-2020 sforz il-COVID-19. Dan kollu wassal sabiex il-pjan strateġiku li kellu Vassallo għall-futbol Malti għas-sena li għadha kemm intemmet, kellu jinbidel mhux ftit, fosthom il-proġett ta’ klabb Malti li jipparteċipa fil-LEGA Pro fl-Italja. Dwar din l-idea, Vassallo ta x’jifhem li għalissa m’għadhiex fuq quddiem fil-lista ta’ prijoritajiet tal-assoċjazzjoni minħabba dak li qed jiġri fid-dinja kollha.

Vassallo rrefera għall-ħidma li saret fl-MFA matul l-2020, fir-riforma tal-istatut tal-assoċjazzjoni. Vassallo tkellem ukoll dwar riformi oħra li qed isiru u li se jkunu qed isiru u li jiffurmw parti mill-viżjoni u l-manifest elettorali tiegħu fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza tal-MFA li saret f’Lulju tal-2019.

Dwar il-fatt li bħalissa l-futbol Malti qed jintlagħab bil-bibien magħluqa, Vassallo qal li bħala MFA diġa’ saret talba lill-awtoritajiet biex il-partitarji jibdew jidħlu, sintendi b’ammonti żgħar. Meta din it-talba tkun aċċettatha, l-assoċjazzjoni hi preparata biex tagħmel dan permezz ta’ protokoll apposta.

Mistoqsi dwar il-kritika li qed ikollha l-MFA dwar is-servizz il-ġdid tal-LIVE Streaming tal-partiti lokali, primarjament dawk mill-Kampjonat Premier u l-National Challenge League, Vassallo rrikonoxxa l-problema iżda saħaq ukoll li fil-mument din m’hijix waħda mill-prijoritajiet tal-assoċjazzjoni li jmexxi hu anke għaliex, kif spjega hu stess, dan is-servizz li qed toffri l-MFA, normalment ma jintużax għal dan l-iskop u biex is-servizz ikun imtejjeb għall-livell mitlub fil-mument, dan ikun ifisser ħafn aktar flus. Kien hawnhekk fejn Vassallo stqarr li sforz il-COVID-19, l-MFA għamlet telf finanzjarju. Parti mir-raġuni ta’ dan it-telf hi l-għajnuna finanzjarja li l-assoċjazzjoni għażlet li tagħti minħabba din il-pandemija, lill-klabbs kollha membri tagħha, biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjez tagħhom.

Vassallo eskluda kompletament il-possibiltá li l-Kampjonat Premier, wara dan l-istaġun, jibqa’ b’sittax-il tim. Hu kien qed iwieġeb għal mistoqsija diretta li saret lilu llejla, waqt l-ewwel programm Replay tas-sena l-ġdida. F’dawn l-aħħar ġimgħat, kien hemm għajdut fiċ-ċriki tal-futbol Malti, li l-Kampjonat Premier setgħa jibqa’ bl-istess ammont ta’ timijiet li għandu dan l-istaġun, ċioé 16. Ir-raġuni għalfejn f’dan l-istaġun dan il-Kampjonat hu kompost minn daqstant timijiet, l-akbar li qatt kellu l-Kampjonat Premier fl-istorja, hi għaliex f’Mejju li għadda, il-Kunsill tal-MFA kien ivvota sabiex ħadd mit-timijiet f’kull diviżjoni tal-MFA ma jkunu relegati iżda jkun hemm biss promozzjonijiet biss.

Vassallo kien mistoqsi ukoll dwar il-livell tar-referees, partikolarment dawk fil-Kampjonat Premier, u mingħajr tlaqliq hu ammetta li m’huwiex kuntent. Hu qal li teżisti inkonsistenza fil-prestazzjonijiet tar-referees tagħna u qed jindirzza din il-kwistjoni maċ-Chairman tar-Referees Committee fl-MFA, Alan Mario Sant.

Fl-2021, Vassallo qal li se tkun qed tibda ħidma importanti fuq it-twaqqif tal-Fondazzjoni fl-MFA; liema proġett hu parti mill-viżjoni strateġika tiegħu għall-iżvilupp tal-futbol fil-livell tal-grassroots u ż-żgħażagħ tagħna. Matul dan il-programm, il-President tal-MFA tkellem ukoll dwar ir-riżultati pożittivi li kellhom it-timijiet nazzjonali Maltin tal-irġiel u tan-nisa, il-pjan u viżjoni li t-timijiet nazzjonali kollha, anke dawk fil-livelli taż-żgħażagħ, jibdew jilgħabu b’sistema u filosofija ta’ futbol li tkun identika, kif ukoll dwar il-proġett ambizjuzz li jinbena Ċentru Tekniku ġdid tal-MFA, f’Ta’Qali stess u li jinkludi l-bini ta’ stadium ieħor ġdid f’Malta, li jkun b’ħaxix naturali.

Fl-istess programm saret ukoll referenza lejn il-possibiltá li Malta torganizza l-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19-il sena fl-2024. Malta, permezz tal-MFA, diġa’ għamlet it-talba tagħha quddiem il-UEFA, l-istess bħal m’għamlu pajjiżi oħra, u Vassallo qal li sal-lum għad m’hemmx deċizjoni finali mill-UEFA għalkemm l-indikazzjonijiet huma li t-talba ta’ Malta hi fost l-favoriti biex tkun magħżula.

Fl-aħħar nett, Vassallo tkellem dwar iċ-ċelebrazzjonijiet li mistennija jkunu organizzati mill-MFA sabiex ikun imfakkar il-120 sena mit-twaqqif tal-assoċjazzjoni, liema ċelebrazzjonijiet kellhom isiru lejn l-aħħar tal-2020 iżda ġew posposti minħabba l-pandemija. Hu qal li teżisti l-possibiltá li għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, Malta se tkun qed tlaqqa’ lill-President tal-FIFA, Gianni Infantino u l-President tal-UEFA, Aleksander Čeferin hekk kif dawn it-tnejn għandhom relazzjoni tajba ma’ Vassallo iżda mhux daqstant bejn xulxin.

Segwi l-edizzjoni tal-Ħadd li għadda ta’ Replay minn hawn:

Dan it-tagħrif twassal mit-tim ta’ Replay.