Filmat: “Ma nemminx f’akkomodazzjoni soċjali b’xejn” – Abela

Read in English.

Robert Abela li qed jikkontesta l-elezzjoni biex jilħaq mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru qal li hu ma jemminx fl-akkomodazzjoni b’xejn. Huwa qed jipproponi mudell li fih il-Gvern jixtri propjetajiet eżistenti mingħand is-sidien permezz tal-bonds, li mbagħad jinkrew lil dawk li jkunu qed jistennew akkomodazzjoni soċjali. Spjega li akkomodazzjoni soċjali b’xejn għandha tkun disponibbli biss f’xi eċċezzjonijiet.

Abela spjega li mudell bħal dan diġà jintuża f’pajjiżi oħra, li jibbilanċja l-użu tal-art u tal-ambjent naturali, peress li bini eżistenti jiġi mmodernizzat u jintuża.

Hu u jindirizza l-midja llum, Abela stqarr li jemmen li kulħadd għandu jkollu saqaf fuq rasu. Spjega li fl-aħħar snin, mhux kulħadd seta’ jaffordja post fejn jgħix. Qal li jifhem li minħabba t-tkabbir ekonomiku, il-kirjiet żdiedu b’tali mod li bejn 60 u 70% tas-salarji kienu qed jintefqu f’kera.

Il-Membru Parlamentari żied jgħid li għandu jinstab bilanċ bejn l-użu tal-art ODZ u l-akkomodazzjoni soċjali. Qal li ladarba l-pajjiż ikun stabbilizzat, investiment bħal dan jgħin lill-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha. Mudell bħal dan, skont Abela, jiffranka l-proċess tat-tenders u l-ippjanar.

Filmat: Facebook/Robert Abela