Filmat: “Ma nafux kif, imma fejjaqtuha”

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jiltaqa’ ma’ Dr Buttons u Dr Oopsie, Mario Grech u Maria Sant Fournier rispettivament, dwar ix-xogħol volontarju li jwettqu ma’ madwar 20 ‘tobba buffi’ oħra biex iferrħu lit-tfal morda fl-isptar Mater Dei. Mill-kabina ta’ Dr Klown Malta, huma jirrakkuntaw l-esperjenza tagħhom, bil-ferħ u bin-niket li ġġib magħha. Jgħidulna li l-motto tagħhom hu li jżuru kull tifel u tifla darba f’ġimgħa u li jferrħu mhux biss lilhom imma anki l-familji tagħhom.
It-‘tobba buffi’ jispjegaw fiex jikkonsisti t-taħriġ li jieħdu u kif ipoġġuh fil-prattika mat-tfal morda meta tnejn tnejn, imorru fis-swali biex iferrħuhom. Jikkonfermaw li permezz ta’ sessjonijiet apposta, jkollhom għajnuna terapewtika għalihom stess, partikolarment minħabba n-negattività li jġib il-mard li jiltaqgħu miegħu fuq it-tfal.
Dr Happy, karattru ieħor fost it-‘tobba buffi’ fil-persuna ta’ Nicole Tabone, tispjega kif din l-organizzazzjoni non-governattiva tiġbor u tuża l-flus biex dan il-proġett jibqa’ jirnexxi billi jnissel tbissima fuq dawk milquta mill-mard fl-isptar.