Filmat: “Ma naċċettawx prezz daqshekk baxx għall-proġett tal-Corinthia” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia sostna li l-Oppożizzjoni mhux se taċċetta li l-Gvern ibiegħ art pubblika lill-Corinthia Group bi prezz daqshekk baxx. Kompla jgħid li jaqblu ma’ żvilupp ta’ sitt stilel għax dan jgħin l-iżvilupp fl-industrija tat-turiżmu, iżda sostna li ma jistax jaqbel mal-prezz li qed jitlob il-Gvern għall-art.

Dan qalu f’kumment esklussiv ma’ Newsbook.com.mt wara li esperti tal-Corinthia Group mmexxija miċ-Ċermen Alfred Pisani għamlu preżentazzjoni lilll-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Delia spjega li huwa talab li issir din il-preżentazzjoni wara li l-proġett kien preżentat waqt seduta tal-bord tal-verifika fil-Parlament. Il-Kap tal-PN ried il-preżentazzjoni biex ikun hemm aktar trasparenza dwar il-proġett u dwar it-tibdil fit-termini tal-kuntratt li preżentament jorbot il-kumpanija mal-Gvern.

Favur żvilupp ta’ sitt stilel

Delia spjega li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-proposta ta’ żvilupp ta’ sitt stilel fis-settur turistiku għax dan se jgħolli l-livell tat-turiżmu fil-pajjiż. Min-naħa l-oħra, qal li l-parti li kien qed joġġezzjona dwarha mhux biss it-tibdil fl-użu u fil-kundizzjonijiet li l-art kienet ingħatat fuqhom lill-kumpanija, iżda wkoll il-prezz li sostna ma jagħmilx ġustizzja lill-art.

Skont rapport ta’ The Sunday Times of Malta l-art li aġenti stmaw li tiswa €700 miljun, qed tinbigħ lill-Corinthia għal €17-il miljun.

“Dan mhux l-aqwa prezz tal-art”

Il-Kap tal-PN insista li minn dak li qed jara ma jidirlux illi l-Gvern qiegħed jitlob l-aqwa prezz li jista’ jinġieb għall-art li l-Gvern se jgħaddi lill-Corinthia Group. Sostna li huwa fid-dmir tal-Gvern li jara li l-art tal-poplu qed tintuża sew u li saret valutazzjoni xierqa. Kompla jgħid li hemm bżonn li l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi jkun aktar trasparenti, juri kif wasal għal dawn l-ammonti, x’kien il-mod kif ikkalkola, x’inhuma l-metodi ta’ evalwazzjoni li intużaw u kif il-Gvern jista’ jiġġustifika dak il-prezz.

Meta mistoqsi dwar jekk l-Oppożizzjoni għandhiex opinjoni dwar kemm għandha tiswa din l-art, Delia sostna li dan mhux xogħol l-Oppożizzjoni. Spjega li xogħolhom huwa li jaraw li jkun hemm proċess trasparenti u li jkun ċar għal kulħadd li l-art qed tinbigħ għall-aqwa prezz.

Waqt il-preżentazzjoni ta’ International Hotel Investments, li hija l-kumpanija li tmexxi l-Corinthia, spjegat li huma ma kienux qed jipproponu l-bejgħ tal-art iżda sempliċi estensjoni tal-użu tal-art. Madanakollu Delia sostna li dak li qed jiġi propost bħala propjetà immobbli huwa doppju fil-qies mill-art li se tintuża għal skopijiet turistiċi. Il-Kap tal-PN qal li dan ifisser li qed jinbidel il-ftehim li l-Corinthia għandha bħal issa mal-Gvern u li għal din ir-raġuni sostna li l-Oppożizzjoni mhux se taċċetta li l-art tiġi mibjugħa bi prezz daqshekk baxx.