Read in English.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ma kienx infurmat bid-diskussjoni li kien hemm bejn Joseph Muscat u Keith Schembri li fiha l-eks PM talab liċ-Chief of Staff tiegħu biex jgħid lil Yorgen Fenech ma jitlaqx minn Malta.
Abela qal lil Newsbook.com.mt li fl-2017 kien membru parlamentari imma li ma kienx jaf x’jintqal bejn Muscat u Schembri.
Saħaq li ma kellux ħjiel li kienet se tissejjaħ l-elezzjoni bikrija tal-2017.
Fi kliem Abela kieku kien Prim Ministru fl-2016 kien iwaqqaf il-kuntratt ta’ Keith Schembri u jitlob għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi. Kompla jgħid li llum il-ġurnata l-pożizzjoni ta’ Konrad Mizzi u Joseph Muscat hija differenti. Saħaq li l-iżball ta’ Muscat kien li ma ħax deċiżjoni immedjatament.
“Għal dik ħallas l-ogħla prezz politiku,” temm jgħid Abela.
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf li se tinqatel Daphne Caruana Galizia u kien għalhekk li sejjaħ elezzjoni bikrija fl-2017. Meta kien qed jitkellem waqt l-aġġornament tal-Parlament, Azzopardi qal li skont xhieda fil-qorti ħarġet li Spettur tal-Pulizija stqarr li s-sim cards tal-burner phones inxtraw lejn l-aħħar tal-2016.
It-Tnejn li għadda Keith Schembri xehed fil-Qorti li Joseph Muscat kien talbu jċempel lil Yorgen Fenech biex jikkonċinċih ma jitlaqx minn malta.
Filmat: Miguela Xuereb
Ġurnalista: Monique Agius