Filmat: “Ma kinitx faċli li żewġ artisti ħbieb jinterpretaw kanzunetta ta’ mħabba” – Lisa u Kurt

NEW RELEASE:-Remember...there will always be another heart and another love - The 💗 you deserve!Lisa Tabone & Kurt Anthony - ANOTHER LOVE (Made popular by Tom Odell)1 collab I'm so in love with.💑🎙🎬

Posted by Kurt Cassar on Tuesday, September 1, 2020

Min segwa X Factor Malta żgur jiftakar lil Lisa Tabone. Hija tfajla ta’ 17-il sena li tipprometti ħafna. Fl-ewwel staġun kienet fil-grupp Clelis, li nqala’ fil-fażi taċ-Chair Challenge. Sena wara Lisa rritornat għat-tieni staġun u saħħret lill-ġurija bħala solista fl-ewwel prova tagħha. Ħafna kienu kkummentaw li kienet waħda mill-iktar provi li spikkat fit-tieni staġun. 

Jumejn ilu filmat partikolari ħasad diversi segwaċi fuq il-mezzi soċjali hekk kif minn imkien Lisa rritornat b’filmat li ftit stennew. Flimkien ma’ Lisa hemm il-kantant Kurt Anthony li wkoll kien f’X Factor u li kkompeta ma’ Lisa stess fiċ-Chair Challenge permezz tad-duo Horizon. Żgur li min ra l-filmat qal kemm kienet tkun ħaġa sabiħa kieku dawn it-tnejn kellhom iċ-ċans ikantaw flimkien fuq l-X Factor. 

Issa dawn iż-żewġ kantanti ngħaqdu flimkien biex jinterpretaw il-kanzunetta Another Love, oriġinarjament tal-kantant Tom Odell. Żgur li mhux forsi li l-filmat meħud minn Marlon Polidano kkumplimenta din il-kanzunetta fis-sħiħ. 

”Meta Kurt u jien iddeċidejna li naħdmu flimkien u bdejna naħdmu fuq il-kanzunetta ma kinitx l-iktar ħaġa faċli għax li żewġ artisti ħbieb jinterpretaw kanzunetta ta’ mħabba ma tkunx taf jekk hux se jidħlu fil-parti sew iżda rnexxielna. Kuntenta li ħdimt ma’ Kurt ukoll għax jogħġobni ferm leħnu u l-ispirtu tiegħu,” qaltilna Lisa.

Kurt ikkummenta li ”Lisa tgħaġġibni! Għad għandha 17-il sena u jien għandi 27 sena u l-livell tagħha huwa wieħed diġa’ hemm fuq kemm bħala kunfidenza u anke vokalment. Ma nistax nimmaġina fejn tista’ tasal Lisa tal-età tiegħi u nixtiqilha l-isbaħ affarijiet. Kuntent li kont parti mill-ewwel proġett tagħha wara t-talent show.”