Filmat: “Ma kienx hemm ħtieġa li nitlob vot ta’ fiduċja” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma kienx hemm il-ħtieġa li jitlob l-vot ta’ fiduċja mill-Kunsill Ġenerali għaliex qal li “rridu naħdmu ‘l quddiem”. Huwa kien qed jirreaġixxi għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt wara li uħud mid-deputat Nazzjonalisti talbu lil Delia jsejjaħ dan il-vot fil-Kunsill Ġenerali f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari li saret it-Tlieta fid-Dar Ċentrali.

Qabel daħal għal-laqgħat tal-Partit Popolari Ewropew li qed isiru fi Brussell, Adrian Delia reġa’ sostna li l-mandat li tawh it-tesserati fl-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista fl-2017 huwa mandat sal-elezzjoni ġenerali.

Kompla jispjega li fil-Grupp Parlamentari ppreżenta dokument b’numru ta’ proposti li skont Delia dawn għandhom jitqiesu bħala l-qafas u l-bidu ta’ kif il-Partit Nazzjonalista jimxi ‘l quddiem. Huwa saħaq li dan id-dokument mhux is-soluzzjoni aħħarija.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jgħid meta huma mistennija d-deċiżjonijiet, Delia qal biss li l-proċess beda’ u “t-tibdil kollu li jrid isir jekk il-Bambin irid iseħħ”.

Grupp Parlamentari PN: “Laqgħa tajba u kostruttiva”; “inkonklussiva”

“Ma nbidel xejn fi tliet ġimgħat”

Adrian Delia kkonferma li sa issa għadu ma nbidel xejn mir-riżultat tal-elezzjonijiet sal-lum. Huwa qal li l-ħafna diskussjonijiet u laqgħat li saru fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar tliet ġimgħat sa issa ma wasslux għall-bidliet konkreti għax skont Delia dawn jieħdu ż-żmien.

European People’s Party (EPP)