Filmat: Jittieħdu passi meta l-investigazzjonijiet ikunu lesti – Farrugia

MPs mistoqsija dwar Keith Schembri

Read in English.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li ma jitteħdux passi meta l-investigazzjonijiet ikunu għadhom għaddejin.

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia ntalab għar-reazzjoni tiegħu fid-dawl tax-xhieda tal-eks direttur tal-FIAU li ħass li kien hemm biżżejjed provi biex Keith Schembri jiġi investigat. L-eks direttur, Manfred Galdes, kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Keith Schembri kien ic-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Farrugia qal li l-Pulizija tinvestiga u jkollha diskussjonijiet mal-Avukat Ġenerali.

Il-Ministru fl-OPM Carmelo Abela qal li wieħed għandu jistenna l-eżitu tal-inkjesta pubblika. Qal ukoll li mhux se jwieġeb dwar ix-xogħol tal-Pulizija. Żied jgħid li fis-sentejn u nofs li għamel bħala Ministru għall-pulizija ma ndaħalx fix-xogħol tagħhom jekk għandhomx jinvestigaw xi ħaġa jew le.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-Pulizija għandha tinvestiga kollox, “ikun min ikun.”

Il-Whip tal-PL Glenn Bedingfield qal li wieħed għandu jistenna l-eżitu tal-inkjesta. Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu.

Galdes xehed fl-20 ta’ Jannar bħala parti mill-inkjesta pubblika li qed issir dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li kienet “suspettuza” kif l-aġenzija tal-gvern ta’ kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) ma ngħatatx ir-riżorsi meħtieġa meta beda jiġi investigat Keith Schembri.

Darba għadda informazzjoni direttament lill-Kummissarju tal-Pulizija. L-informazzjoni kienet dwar persuni esposti politikament f’Malta (PEPs). Ħass li kien hemm biżejjed informazzjoni biex il-Pulizija tinvestiga.

Filmat: Miguela Xuereb, Ġurnalista: Monique Agius