​Filmat: Ma jitimgħux it-tonn biex ma jiżdiedx il-ħmieġ f’San Pawl il-Baħar

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li t-tonn tal-fish farms f’San Pawl il-Baħar, ma ngħatax ikel biex ma jiżdiedx il-ħmieġ li qed iqanqal ragħbja fost ir-residenti u t-turisti.
Sorsi qalu li billi l-ħut ma ngħatax ikel il-bieraħ, daħlu inqas fdalijiet max-xatt fejn is-soltu jinżlu jgħumu n-nies, qrib is-Sirens.
“Ninsabu nkwetati aktar minnkom” – sid il-fish farms
Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt dwar din l-informazzjoni, sid il-fish farms Charles Azzopardi qal li huma jinsabu iktar inkwetati minna dwar is-sitwazzjoni.
La ċaħad u lanqas ikkonferma l-informazzjoni li t-tonn fil-gaġeġ ma ngħatax l-ikel biex ma jiżdiedx il-ħmieġ max-xatt.
Talab li nagħtuh ġimgħa ċans biex ikollu f’idejh ir-riżultati ta’ analiżi li bagħtu barra minn Malta biex isiru l-istudju fuqu.
Residenti u turisti ma jistgħux jgħumu
Ir-residenti u t-turisti rrappurtaw li għalkemm illum kien hemm inqas fdalijiet mis-soltu f’wiċċ l-ilma, iżda xorta ma setgħux jinżlu jgħumu f’dawn l-inħawi popolari fis-sajf.
Bosta persuni jinsabu rrabjati għal dak li qed isejħu bħala nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet għal din il-kwistjoni urġenti.
L-Arċisqof Charles Scicluna llum ikkummenta fi tweet dwar il-fatt li f’wiċċ il-baħar deher inqas ħmieġ minn qabel.
Il-ħmieġ fil-baħar se jissemma f’laqgħa tal-kunsill
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-kwistjoni tal-ħmieġ mill-għalf tal-ħut tal-fish farms mistennija titqanqal fil-laqgħa ta' għada tal-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-bieraħ, Il-Ministeru tal-Ambjent qal ma’ Newsbook.com.mt li wara li tħalliet pendenti għal għal ħafna snin, il-problema tat-tniġġiż mill-fish farms ma tistax tissolva mil-lum għall-għada.
Ritratti: Nicolai Abela