Filmat: Ma jafx min se jipprovdi l-magni u lanqas min hu sieħeb Schembri

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera stqarr li mhux konxju ta’ min se jintgħażel mis-settur privat biex jipprovdi l-magni li jaħdmu bil-kontra (reverse vending machines). Hu u jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Herrera insista li s-settur privat se jinvesti €10 miljun fl-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb. Għall-mistoqsija dwar jekk hux diġà deċiż min se jkun l-operatur, huwa wieġeb li kollox għandu jaqa’ f’postu minħabba li l-ftehim ġie ffirmat u għandhom jinħarġu t-tenders.

Il-Ministru kkummenta li peress li hu investiment privat, hu jħoss li l-Gvern m’għandux jintervjeni dwar min jintgħażel biex jipprovdi dawn il-magni. Huwa qal li l-irwol tal-Ministeru se jkun li jirregola l-aġenzija l-ġdida, l-Aġenzija għar-Riżorsi, l-Irkuprar u r-Riċiklaġġ (RRRA), li hi ppreseduta mill-Inġ. Mark Muscat. Huwa spjega li bħala Ministeru, jistgħu joħorġu kundizzjonijiet bħal kemm fliexken jidħlu f’kull magna.

Dwar il-possibiltajiet ta’ operaturi tal-iskema, Herrera semma s-settur privat u l-Kamra tal-Kummerċ, il-GRTU, u kumpaniji kbar bħall-Farsons u General Soft Drinks.

“Ma smajtx b’Malcolm Scerri”

Rapporti fil-midja din is-sena qalu li Malcolm Scerri, is-sieħeb fin-negozju ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, kien qiegħed iħares lejn is-sistema tal-fliexken tal-plastik. Il-kumpanija tiegħu, Acumen Projects Ltd, kienet ir-rappreżentanta Maltija ta’ Tomra, il-korporazzjoni multinazzjonali tar-riċiklaġġ Norveġiża. Il-Ministeru għall-Ambjent kien ċaħad dawn l-“allegazzjonijiet bla bażi” u qal li r-rapport ried jippreġudika l-inizjattiva.

Herrera qal lil The Times of Malta li ma kienx sema’ b’Scerri b’rabta mal-proġett li ġie ffirmat ftehim tiegħu llum.