Filmat: “Ma ħallewniex nidħlu fil-Parlament b’ordni tal-Ispeaker”

Persuni mill-pubbliku ma tħallewx jidħlu fl-Istrangers Gallery tal-Parlament waqt is-seduta Parlamentari tal-bieraħ fuq ordni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia. Dan minkejja li mir-reception tal-Parlament huma kienu ngħataw l-opportunità li jagħmlu dan u ngħataw it-tags tal-Viżitaturi.

Permezz ta’ filmat ippubblikat live mill-NGO Repubblika, bosta persuni tal-pubbliku li ngħataw it-tag li tfisser li setgħu jidħlu fil-Parlament, ma tħallewx jidħlu fiż-żona tal-ispettaturi. Dan minkejja li s-soltu dejjem tkun miftuħa għall-pubbliku. Fl-istess waqt, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed jagħmel diskors ta’ siegħa dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u dwar il-karriera tiegħu.

Id-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco beda jispjega lill-maġġur tal-Pulizija preżenti li qatt fl-istorja tal-Parlament ma kien hemm seduta fil-magħluq. Kien hemm ukoll id-Deputati Marthese Portelli, Therese Comodini Cachia, Toni Bezzi u Ryan Callus. Min-naħa tagħhom, dawk li ma tħallewx jaċċessaw il-Parlament insistew li l-Parlament huwa tal-poplu u ħadd ma jista’ jżommhom milli jaċċessawh.

L-attivista Alessandra Dee Crespo, li kienet waħda minn dawk miżmuma, indirizzat lil dawk li kienu qed isegwu l-filmat live u sostniet li filwaqt li persuni li sejħet “maħmuġin” u “korrotti” kienu qed jitħallew jidħlu fil-Parlament, persuni nodfa ma tħallewx jaċċessawh.

Fil-filmat l-attivisti rrimarkaw li t-tort hawn mhux tal-Pulizija. Sostnew li l-Pulizija kienu qed jagħmlu xogħolhom. Insistiet li r-rabja tagħhom hija mal-Gvern u mal-Ispeaker u mhux mal-Pulizija. Qalu li l-Ispeaker qed jipproteġi lil min hu korrott.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-kelliem għall-Ispeaker li spjega li waqt is-Seduta Parlamentari tal-bieraħ ittieħdet deċiżjoni li ħadd ħlief ġurnalisti ma jitħallew jidħlu fl-Istranger’s Gallery. Qal li din id-deċiżjoni kienet waħda leġittima.

Mistoqsi dwar kif dawn il-persuni ngħataw it-tag minkejja l-ordni tal-Ispeaker, il-kelliem qal li ma jistax jifhem kif seħħ dan. Irrimarka li lanqas persuni impjegati mill-Ministeri mhu qed jitħallew jidħlu.

Filmat: Repubblika