Filmat: M’hemmx logħob man-nar fix-Xitwa

Bosta rħula u bliet bħalissa qed jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija.  Dan ifisser li tul dawn il-jiem, is-sema Maltija se tkun imżewwqa b’kuluri mill-isbaħ tal-logħob tan-nar. Anke minħabba l-ammont kbir ta’ sħana li ġeneralment tagħmel f’Awwissu, il-ħaddiema tan-nar iridu joqgħodu b’seba’ mitt għajn li ma jiġri l-ebda inċident.

Ħafna jaħsbu li l-istaġun tas-sajf hu fost l-ikbar għedewwa tal-logħob tan-nar.  Felix Zerafa, li jieħu ħsieb il-kamra tan-nar ta’ Santa Marija tal-Qrendi jgħidilna l-kontra. Minkejja li man-nar m’hemmx logħob, Felix jispjega li ħafna mill-inċidenti jiġru fix-Xitwa u dan għaliex tkun qed tinħadem l-akbar konċentrazzjoni ta’ xogħol bħall-mili tal-beraq u taħlit tal-istella.  Fis-sajf isisr xogħol ta' kolla biex jingħaqad il-murtal.

Mill-esperjenza jgħid li l-inċidenti żgħar jew fatali li jiġru fis-sajf, iseħħu minħabba pressjoni żejda għax tkun riesqa l-festa.

Is-sena li għaddiet fis-7 ta’ Lulju, xahar qabel il-festa, il-Qrendi beka wieħed mit-tfal tiegħu hekk kif Joseph Mifsud ta’ 27 sena tilef ħajtu waqt li kien qed jaħdem in-nar.  B’rispett lejn “Id-Dudu” għax hekk kien imlaqqam Joseph, il-festa ma saritx.

Tagħlima minn dan l-inċident fatali, il-kamra tan-nar tal-Qrendi investiet flusha f’żewġ ilbiesi protettivi kontra n-nar u l-isplużjonijiet li jiswew €500–il waħda.

Sadanittant, bejn għada u nhar Santa Marija, il-kamra tan-nar tal-Qrendi se tkun qed ittella’ spettaklu b’mużika sinkronizzata mal-logħob tan-nar bl-isem ta’ The Conquest of Silence. Il-mużika se tindaqq live mid-DJ popolari Malti Carl Bee.