Filmat: “M’aħniex edukati fid-diversità”

L-ostaklu ewlieni li gruppi mhux governattivi jsibu fit-tentattiv tagħhom li joħolqu kultura ta’ inklużjoni u aċċettabilità huwa n-nuqqas ta’ edukazzjoni tal-poplu Malti fid-diversità.
Dan kien il-kumment li miegħu serrep l-argument ta’ Dr Francois Mifsud, fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt
Mistoqsi x’inhuma l-isfidi tal-grupp Solidarity With Migrants, sfidi li kultant ikunu mistura lill-għajnejn, stqarr li l-poplu Malti mhuwiex edukat fid-diversità.
Irrimarka li l-problema ilha ġejja, u bdiet fuq il-bankijiet tal-iskola fejn ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin ġew mgħallma nazzjonaliżmu li Mifsud isejjaħlu “dejjaq”.
Skontu, dan hu dak in-nazzjonaliżmu li jġegħlek tħossok mhedded mill-barrani għax il-fatt li huwa differenti minnek jiġi jfisser li b’xi mod se jtelliflek l-identità tiegħek.
Dr Mifsud, li studja fil-fond it-tagħlim tal-multikulturaliżmu fi ħdan is-sistema edukattiv, enfasizza r-rikkezza li jġib miegħu il-multikulturaliżmu f’soċjetà miftuħa għalih.
Waqt li elenka għadd ta’ benefiċċji tal-multikulturaliżmu, qal li dan hu proċess li l-poplu Malti għadu ma fehemx ir-realtà tiegħu. Qiegħed hemm, u kulma jmur qed jitlob modi ġodda ta’ addattabilità mis-soċjetà Maltija.
Temm l-argument tiegħu kif bdieh, jiġifieri l-ħtieġa li t-tagħlim jinbidel, anki sal-livell universitarju. Semma li għad irridu nanalizzaw b’riċerki varji kif f’Malta għandek nies li jiftħu l-bibien, imbagħad oħrajn li jagħlquhom.
Dr Mifsud ta l-kummenti tiegħu lil Newsbook.com.mt wara żjara minn tliet immigranti lill-President fir-residenza tagħha, liema żjara għaliha kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti mill-grupp Solidarity With Migrants.
Filmat: Ian Noel Pace