Filmat: Lura Malta mill-Brażil għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Atmosfera differenti mis-soltu fis-sala tal-wasliet fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta hekk kif għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta' wara nofsinhar wasal Malta, il-grupp ta' żgħażagħ li ngħaqad mal-Papa Franġisku għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f'Rio de Janeiro fil-Brażil.

Iż-żgħażagħ li ngħaqdu mal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) kienu jinkludu diversi soċji tal-M.U.S.E.U.M. kif ukoll żgħażagħ minn diversi għaqdiet oħra fid-diversi parroċċi madwar Malta u Għawdex. Fost il-grupp kien hemm ukoll il-ġurnalista ta' Newsbook Catherine Aquilina li żammet lill-qarrejja ta' dan is-sit aġġornati b'dak kollu li kien għaddej fil-Brażil.

Jispikka fil-filmat, it-tgħanniq tal-ġenituri taż-żgħażagħ, b'ħafna minnhom jiddeskrivu din iż-żjara bħala esperjenza li ħalliet impatt qawwi fil-fidi tagħhom.