Filmat: Lupin III issa għaċ-ċinema

Ħafna minna kibru miegħu. Oħrajn għadhom qed isiru jafu mill-episodji li jixxandru miż-żmien għall-ieħor fuq it-televiżjoni Taljana. Bla dubju huwa wieħed mill-karattri l-aktar popolari li qatt rajna fuq it-televiżjoni. Issa l-aktar ħalliel ċelebri fid-dinja tal-cartoons se jasal fuq l-iskrin taċ-ċinema.

Kif qed taraw ħareġ ukoll il-filmat promozzjonali. Il-film se jkollu l-ewwel tnedija tiegħu fis-6 ta’ Diċembru ġewwa l-Ġappun biex imbagħad ikollu distribuzzjoni internazzjonali.

It-Taljani diġà assiguraw il-wiri tiegħu fiċ-ċinemas tagħhom għas-sena d-dieħla, u b’hekk wara l-ħruġ tiegħu fil-Ġaħħun, ikun qed isir ix-xogħol ta’ dupjaġġ fuq il-vuċijiet biex jitwassal bil-lingwa Taljana.

Wisq probabbli jsirukoll ix-xogħol biex dan il-film, jitwassal ukoll f’bosta lingwi biex jilħqu ħafna pajjiżi possibbli.

Lupin III: The First jindika li dan se jkun l-ewwel minn sensiela ta’ films li se jkunu fiċ-ċinema.

Il-karattri popolari ta’ Jigen, Goemon, Fujiko u Zenigata wkoll se jkunu ma’ Lupin f’din il-verżjoni moderna fejn il-grafika tilgħab parti importanti minn din l-istorja fejn Lupin se jkun qed jikxef sigriet marbut ma’ djarju li jwasslu biex imiss mal-għeruq tiegħu li jieħduh lura sa’ minn żmien Nannuh.

Bla dubju li l-fans numerużi Maltin u Għawdxin ta’ Lupin se jkunu qed jittamaw li din l-avventura tasal ukoll fiċ-ċinemas tagħna!