Filmat: Luke jaqsam l-istejjer u l-emozzjonijiet li kellu miktubin

Luke Cieca hu wiċċ magħruf fil-qasam tat-teatru iżda bla dubju huwa wiċċ u vuċi ġdida fix-xena tal-mużika lokali.

Luke trabba f’familja teatrali li għandha mħabba kbira lejn il-mużika u għaldaqstant il-mużika dejjem kienet parti kbira minn ħajtu hekk kif missieru, Edward Mercieca ta’ FM Theatre, introduċih għall-kolezzjoni estensiva tal-mużika tas-Snin 70 li kienet tinkludi taħlita ta’ artisti fosthom Led Zeppelin, Deep Purple u Eric Clapton.

L-interess u l-imħabba lejn il-mużika wasslitu jibda jdoqq id-drums, jifforma grupp u eventwalment imur jistudja ġewwa Edinburgh għal degree fil-performance. Dan kollu sakemm beda jdoqq u jkanta ‘l hemm u ‘l hawn ġo bars biex jieħu esperjenza ta’ prestazzjonijiet quddiem udjenza u jesplora ġeneri ta’ mużika differenti.

“Dak il-mument li tgħallimt l-ewwel erbgħa kordi fuq il-kitarra kien il-mument li xtaqt nikteb is-siltiet tiegħi. Dak il-ħin ħsibt, x’inhu l-punt li tkun taf iddoqq instrument jekk m’intix ser tikteb il-materjal tiegħek? U allura b’hekk bdejt nikteb u filwaqt li komplejt nitgħallem, komplejt nikteb iktar. Onestament qatt ma waqaft. Dejjem xtaqt li jekk se nkanta u ndoqq, ikunu siltiet li ktibt jien, siltiet li jkunu jfissru xi ħaġa għalijja,” qal hu.

Wara għaxar snin ta’ kitba, kien wasal iż-żmien li Luke jagħmel l-ewwel pass biex jaqsam dawk l-istejjer u l-emozzjonijiet li kellu miktubin. F’dawn l-aħħar ġranet Luke iddebutta l-ewwel kanzunetta tiegħu A Place We Were Good, kanzunetta li tagħti togħma ta’ dak kollu li nistennew fil-futur qarib minn Luke Cieca.