Read in English.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tinsisti li jkollna lockdown illum qabel għada. F’konferenza tal-aħbarijiet, waqt laqgħa li kellu mal-imsieħba soċjali u l-unjins biex jiddiskutu l-imxija tal-coronavirus f’Malta, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li dan għandu jsir biex ikollna iktar sigurtà.
Dwar dan, il-Prim Ministru Robert Abela qal f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu li l-parir mill-awtoritajiet tas-saħħa hu li ma jsirx lockdown.
Dr Delia stqarr li wasal iż-żmien li:
- Nirristrinġu iżjed il-fruntiera tal-pajjiż billi ngħalqu għal kollox il-pajjiżi għall-passiġġieri
- Naqblu mal-appell li qed jagħmlu t-tobba biex jingħalqu l-ajruport u l-cruise port
- Nagħtu żmien limitat ħafna għar-residenti Maltin biex jiġu lura u wara tingħalaq il-fruntiera
Adrian Delia fisser li “huwa żmien fejn bir-raġun kulħadd inkluż l-Oppożizzjoni qed titlob biex innaqsu il-kuntatt fiżiku bejn in-nies, imma dan ma jfissirx u m’għandux ifisser li naqtgħu l-komunikazzjoni bejnietna”.
Saħaq li hu qiegħed jiltaqa’ kuljum ma’ task force li waqqaf u li qed isegwi b’mod kontinwu dak li għaddej mhux biss f’Malta imma fid-dinja. Saħaq li Malta trid tieħu miżuri l-iżjed idonji għaċ-ċirkostanzi bħal pajjiżi oħra.
Il-UĦM, l-MUBE, l-MUT u l-UPE jappellaw lill-Gvern għal lockdown
Jiżdiedu l-unjins u l-għaqdiet li jappellaw lill-Gvern biex jirrikorri għal lockdown bħala miżura preventiva. Fost dawn hemm il-UĦM, l-MUBE, l-MUT u l-UPE.
Iż-żewġ unjins tal-għalliema u l-edukaturi qed jisħqu li l-poplu qed jistaqsi meta se jsir il-lockdown minflok għandux iseħħ. Qed jinsistu li din id-deċiżjoni trid tkun immedjata biex jiġi evitat li l-coronavirus jinfirex bla bżonn.
Għaliex il-UĦM qed tappella għal lockdown?
- Ħwienet, stabbilimenti u kumpaniji qed jagħlqu b’riżultat li l-ħaddiema jispiċċaw b’leave sfurzat jew agħar minn hekk bla ħlas;
- L-iskejjel għalqu b’konsegwenza li l-ġenituri kellhom jerfgħu l-piż mil-leave tagħhom u l-applikazzjoni tal-leave ma ġiex aċċettat minn kull employer, inkluż il-Gvern;
- Hawn istanzi fejn ħaddiema, biex ma jitilfux il-flus, jippruvaw jevitaw il-kwarantina b’mod irresponsabbli;
- Ħaddiema jitolbu li jiġu swabbed u jgħidulhom li m’hemmx biżżejjed swabs;
- Jidher biċ-ċar li t-traġitt bejn Malta u Għawdex fil-verità mhux qed jiġi ċċekjat kif imwiegħed;
- Min qed jinżel Malta u jiġi ordnat joqgħod id-dar bil-kwarantina, mhux qed jiġi provdut trasport iżda qed ikollu juża tal-Linja biex imur kwarantina;
- Mhux qed jiġi assigurat li l-istess nies, fil-verità, spiċċaw f’post biex jagħmlu kwarantina speċjalment it-turisti jew dawk li mhux residenti fissi f’Malta;
- Il-merkanzija li tidħol mill-portijiet ta’ Malta qed tidħol b’ekwipaġġ u xufiera li għandhom riskju li jiġu kontaminati;
- Il-pajjiż m’għandux ir-riżorsi kollha f’każ li din il-marda tinxtered b’mod inkontrollabbli.
Għaliex l-MUBE qed tappella għal lockdown?
L-Unjin Maltija għall-Impjegati tal-Bank qed:
- Tinsisti għal lockdown illum qabel ilbieraħ
- Tgħid li l-proposta tal-MEA għal lockdown fid-19 ta’ Marzu tinsab ‘il bogħod wisq
- Tappella lill-Gvern biex ma jiħux ċansijiet f’dawn iċ-ċirkostanzi
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.