Filmat: “Lin-nannu konna għadna qed ingawduh qabel qabdu l-Covid-19” – Lisa Spiteri

Il-preżentatriċi Lisa Spiteri qalet li hija rrabjata għax qabel qabdu l-Covid-19, lin-nannu tagħha kienu għadhom qegħdin igawduh. Hija temmen li li kieku ma qabdux dan il-virus, x’aktarx nannuha kien ikun għadu magħhom.

Waqt intervista fuq il-programm ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart, Lisa qasmet l-esperjenza tagħha billi nannuha tilef ħajtu bil-coronavirus. Huwa kellu 91 sena u kien ġo dar tal-anzjani. Hija spjegat li nannuha kien ibati bid-dimensja, u kien kbir fl-età, madankollu kienu għadhom qegħdin igawduh.

Lisa Spiteri saħqet li tħoss rabja għax “ma tistax tgħid, ‘u iva, miet ieħor,’ irrelevanti hux ta’ 90 jew 50 sena, għalija mewt.”

Minħabba l-pandemija, l-aħħar darba li setgħet tgħannqu kienet f’Marzu, peress li mbagħad daħlu r-restrizzjonijiet li ċaħħduha milli tkun viċin tiegħu. Qalet li meta jmorru jarawh, kellhom iżommu ‘l bogħod, u mingħajr ma tmissu, ma kienx qed jagħrafha. “Għalxejn kont immur għax ma kienx qed jirrikonoxxi li jiena hemm… aktar weġgħa ta’ qalb,” stqarret il-preżentatriċi.

Meta reġgħu għalqu d-djar tal-anzjani, kienet weġgħa ta’ qalb ikbar għax ma setgħetx, imqar, iżżommlu jdejh. Qalet li apparti rabja, ħassitha ħatja għax hu akkumpanjaha tul ħajjitha, u hi ma setgħetx tkun miegħu fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu.

L-ewwel reazzjoni tal-preżentatriċi meta miet nannuha
“Il-Covid-19 ċaħħadna minnu fl-aħħar sigħat”

Segwi d-diskussjoni sħiħa fuq il-pandemija: