Filmat: 10 bidliet fil-politika dwar il-pompi tal-petrol

Read in English.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders u esperti waslet sabiex titħabbar ir-reviżjoni fil-Fuel Stations Policy, fejn wieħed mill-10 bidliet prinċipali jinkludu limitu massimu fuq l-ammont ta’ pompi tal-petrol f’Malta u Għawdex.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ippjanar qal li dawn il-bidliet ħarġu wara li ttieħdu in kunsiderazzjoni diversi fatturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Dan id-dokument politiku ġdid li ġie preparat tul l-aħħar xhur mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), jindirizza numru ta’ punti ta’ tħassib u jinkludi numru konsiderevoli ta’ tibdil.

Dawn l-għaxar bidliet prinċipali jinkludu:

  1. Limitu massimu fuq l-ammont ta’ pompi tal-fjuwil f’Malta u f’Għawdex.
  2. Pompi tal-fjuwil eżistenti biss jistgħu jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni.
  3. Kwalunke pompa tal-fjuwil eżistenti trid tkun qed toħloq impatt negattiv fuq l-ambjent mibni biex din tiġi kkunsidrata għar-rilokazzjoni.
  4. Estensjonijiet ta’ pompi tal-fjuwil eżistenti, li huma parzjalment jew kollha kemm huma fuq art barra miż-żona ta’ żvilupp, mhux se jiġu aċċettati.
  5. Siti ’l barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ) relatati ma’ agrikoltura, u siti iżolati jew sporadiċi mhux se jiġu kkunsidrati anke jekk għandom permessi maħruġa u artijiet kommessi qabel l-1967. 
  6.  Id-daqs massimu ta’ pompa tal-fjuwil tnaqqas minn 3,000m² għal 1,000m², inklużi faċilitajiet anċillari. 
  7. L-għoli ta’ pompi tal-fjuwil ma jistax jaqbeż is-seba’ metri.
  8. Siti fl-ODZ viċin SMEs, u Areas of Containment mhux se jkunu aċċettati għall-pompi tal-fjuwil. Siti li huma Open Storage Areas mhux se jkunu kkunsidrati
  9. Qed jerġa’ jiġi introdott buffer zone bejn pompi tal-fjuwil ġodda u binjiet meqjusa vulnerabbli. Mhux se jkun aċċettabbli li tinbena pompa tal-fjuwil f’distanza inqas minn 500 metru minn pompa oħra eżistenti.
  10. Il-politika l-ġdida se tapplika wkoll għal kull applikazzjoni pendenti għall-bini ta’ pompa tal-fjuwil.

“Il-politika riveduta tpoġġi limitu massimu għan-numru ta’ pompi tal-fjuwil li jista’ jkollu pajjiżna. Apparti minn hekk, qed nintroduċu numru ta’ limitazzjonijiet għar-rilokazzjoni. Din ir-riforma tħares kemm il-ġid tal-komunitajiet residenzjali, kif ukoll tipproteġi l-ambjent. Għadda wisq żmien minn meta bdiet id-diskussjoni dwar il-bidla fuq din il-policy, sodisfatt li llum għandna dan ir-riżultat. Żmien però li xtaqt li ntuża għal diskussjoni dwar it-tnaqqis ta’ vetturi jaħdmu bil-fjuwil f’pajjiżna. Inħares ’il quddiem għal diskussjoni profonda fiż-żmien li ġej”, qal il-Ministru Aaron Farrugia.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba qal li l-Awtorità tal-Ippjanar tinsab kunfidenti li permezz tal-Fuel Stations Policy il-ġdida se jkun qed jinsab bilanċ tajjeb.

L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Michelle Piccinino qalet li l-ERA kellha sehem importanti fit-tfassil ta’ din il-politika, b’diversi bidliet li pproponiet jiġu inkorporati fl-aħħar abbozz.

Moviment Graffitti jilqa’ r-reviżjoni tal-Fuel Stations Policy

Intant, Moviment Graffitti laqa’ r-reviżjoni tal-Fuel Stations Policy li ilha mistennija għal ħafna żmien. Fi stqarrija, l-għaqda qalet li filwaqt li l-policy il-ġdida mhix perfetta, hija ħafna aħjar mill-policy tal-2015 li kienet tippermetti pompi tal-petrol u faċilitajiet kummerċjali ta’ 3,000 metru kwadru fuq ODZ.

Qal li għalkemm il-Gvern dam sentejn u ħames xhur sabiex jirrevedi din il-policy, huma jilqgħu b’sodisfazzjon din ir-reviżjoni u jistennew bil-ħerqa t-tibdil f’policies oħra problematici, bħal dawk li jirrigwardaw iż-żoni rurali jew il-limitazzjoni fl-għoli tal-bini.

“Il-ġlieda twila għar-reviżjoni tal-Fuel Stations Policy, permezz ta’ diversi protesti u azzjonijiet diretti, turi li l-pressjoni mill-pubbliku tħalli l-frott tagħha,” sostniet Moviment Graffitti.