Filmat: “Lill-vittmi tal-prostituzzjoni noffrulhom shower u ikel”

Read in English.

Dar Hosea tilqa’ fiha bosta nisa vittmi ta’ prostituzzjoni u hemm toffri li jinħaslu u anke jieklu ikla sħuna.

Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt Romina Lopez, rappreżentanta tal-istess dar. Hi kienet qed titkellem wara konferenza tal-aħbarijiet fejn 28 għaqda lokali u erba’ internazzjonali ppreżentaw tliet proposti għar-riforma tal-liġijiet dwar it-traffikar uman u l-prostituzzjoni.

Lopez spjegat li d-dar tkun dejjem miftuħa għal dawn in-nisa. Huma jingħataw l-opportunità li jieklu, jinħaslu u jistrieħu ftit. Qalet li dawk kollha li jaħdmu f’din id-dar jilqgħu lil dawn in-nisa b’idhom miftuħa u ma jiġġudikawhomx. Sostniet li filwaqt li dawk kollha li għandhom il-bżonn bażiku ma jaħsbuhiex darbtejn dwar li jqumu filgħodu u jinħaslu qabel ma jibdew il-ġurnata, ħafna minn dawn in-nisa, tant ma jemmnux li għandhom valur fihom innifishom li lanqas tgħaddilhom minn moħħhom biex jieħdu ħsieb lilhom infushom bl-aktar mod bażiku, li jinħaslu.

F’din id-dar, in-nisa jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-ħaddiema soċjali sabiex isibu xogħol alternattiv, jirċievu counselling eċċ. Lopez sostniet li l-ħaddiema soċjali dejjem jimxu mal-bżonnijiet ta’ dawn in-nisa u qatt ma jimponu fuqhom x’għandhom jagħmlu.

X’inhuma l-proposti ppreżentati lill-Gvern u l-Oppożizzjoni?

It-tliet proposti ppreżentati lbieraħ jitolbu lill-Gvern sabiex il-persuni li huma vittmi ta’ prostituzzjoni ma jibqgħux jitqiesu bħala kriminali. Sostnew li huma diġà jkunu għaddew minn abbuż. Proposta oħra tinsisti li l-bejgħ tas-sess għandu jitqies bħala offiża kriminali dan hekk kif huwa att esplojtattiv u li jagħmel ħafna ħsara lil dak li jkun.

L-għaqdiet talbu lill-Gvern sabiex jikkrea servizzi aċċessibbli sabiex persuni li jiqabdu fil-prostituzzjoni jkunu jistgħu joħorġu minnu. Qalu li hemm bżonn ta’ servizzi legali, tas-saħħa, finanzjarji, edukattivi u soċjali. B’hekk persuni li jinsabu fil-prostituzzjoni jkunu jistgħu joħorġu minn dan l-abbuż u jibnu ħajjithom.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt Dr Anna Borg tkellmet dwar id-diffikultajiet li ħafna nisa jgħaddu minnhom meta jaslu f’punt fejn ikunu jridu joħorġu mill-prostituzzjoni. Qalet li ħafna drabi huma ma jitħallewx jagħmlu dan, u dan jista’ jkun minħabba li jkun hemm ‘pimp’ li jkun qed jagħmel il-flus minn fuq darhom. Qalet li dawn jispiċċaw jitilfu l-fiduċja kollha fihom innifishom, u ma jibdewx jemmnu li hemm alternattiva oħra li tħallihom joħorġu minn din is-sitwazzjoni.

Min-naħa tagħha, l-avukat Lara Dimitrijevic spjegat li sabiex jitfassal dan id-dokument, mhux biss kien hemm involuti persuni mill-qasam akkademiku u dak legali, iżda wkoll persuni li ħadmu direttament mal-vittmi. Qalet li r-riċerkaturi semgħu minn dwn il-vittmi u issa qed iressqu l-messaġġ tagħhom u jsemmgħu l-vuċi tagħhom.

Filmat: Miguela Xuereb