Filmat: ​‘Lill-għażiż Papa Franġisku’

Il-Papa Franġisku se jkun qed iwieġeb l-ittri li jibgħatulu t-tfal fi ktieb jismu Dear Pope Francis.
Madwar 260 ittra minn 26 pajjiż waslu fil-Vatikan f’temp ta’ xahrejn, li nkitbu minn tfal bejn sitt snin u tlettax-il sena.
Fi żjara tiegħu f’Philadelphia f’Settembru li għadda, il-Papa irrefera għal waħda minn dawn l-ittri, li saqsietu x’għamel Alla qabel ma ħalaq id-dinja.
Hu qal li din kienet mistoqsija diffiċli u li t-tweġiba tiegħu kienet “li qabel ma ħalaq id-dinja, Alla ħabb, għax Alla hu mħabba”.
Kelliem għall-pubblikaturi qal li l-iskop tal-ktieb hu li l-Papa jwieġeb mistoqsijiet tad-daħk, serji, u ftit minnhom anke ta’ qsiem il-qalb, filwaqt li t-tfal kollha jagħrfu x’inhi l-imħabba bla qies ta’ Alla.
Il-ktieb se jkun ippubblikat fl-1 ta’ Marzu li ġej.