Filmat: Lill-ġenituri – Qattajt ħin ma’ wliedek illum?

Qattajt ħin ma’ uliedek illum? Għedtilhom lil uliedek li tħobbhom? Smajthom lil uliedek? Kont ta’ eżempju tajjeb għal uliedek?

Ġiet imnedija kampanja bl-isem ta’ Trobbija Pożittiva li hija mmirata biex tħeġġeġ lill-ġenituri jqattgħu aktar ħin ma’ uliedhom, jisimgħuhom iktar u jagħtu aktar attenzjoni għal ħtiġijiethom.

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon tkellem ma’ Newsbook.com.mt u spjega li filwaqt li fl-aħħar baġit ittieħdu numru ta’ inizjattivi sabiex tingħata għajnuna finanzjarja u materjali lill-familji, din il-kampanja qed tissielet sabiex issaħħaħ l-emozzjonijiet tat-tfal. Spjega li permezz ta’ din il-kampanja se tkun qed tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom u b’hekk tittejjeb il-kwalità tal-ħajja.

Min-naħa tagħha, id-Direttur tal-Aġenzija Appoġġ, Ruth Sciberras spjegat li din il-kampanja trid tfakkar lill-ġenituri li l-ħin mat-tfal tagħhom huwa importanti. Sostniet li b’mod pożittiv trid tfakkar li t-tfal jikbru malajr u għalhekk hemm bżonn li wieħed jieħu ħsiebhom.

Il-messaġġi huma mmirati biex isaħħu l-importanza u r-responsabbiltà tal-irwol tal-ġenituri u għandhom jiġġeneraw riflessjonijiet u risponsi b’mod individwali.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-kampanja qed tkompli tibni fuq l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trobbija Pożittiva li twaqqfet fl-2016. Issa twaqqfet taskforce li qed isservi ta’ skrutinju.

Filmat: Luke Zerafa