Filmat: Lil Gafà qabbadnieh għall-kuntatti mhux biex jikkordina – PM

Read in English.

Il-PM Robert Abela qal li l-Gvern talab lil Neville Gafà biex juża l-kuntatti tiegħu fil-Libja u mhux biex jikkordina l-ħidma tas-salvataġġ mal-immigranti.

Abela qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie mistoqsi għadd ta’ drabi dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni. Abela wieġeb l-ewwel mistoqsija dwar is-suġett, però mat-tieni waħda qal li kien qed jiġi urtat bil-mistoqsijiet dwar l-immigrazzjoni.

Abela qal li l-konvenzjoni tal-SAR tgħid li pajjiż jista’ juża assi tiegħu jew assi privati biex iwettaq ħidma ta’ salvataġġ. Spjega li Malta dejjem żammet mal-obbligi tagħha. Ċaħad li Malta kienet involuta f’xi tip ta’ pushbacks.

“Mhux veru li Gafà kkordina operazzjoni ta’ salvataġġ,” qal Abela. Żied jgħid li l-Gvern Malti qal lil Gafà biex jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet Libjani “biex jiġu salvati l-ħajjiet.”

Gafà qal lil Newsbook.com.mt li ħa nota ta’ dak li qal il-Prim Ministru imma li għalissa ma kienx se jikkummenta.

L-Erbgħa li għadda Gafà kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li hu xehed bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talbu jikkordina pushback ta’ immigranti lejn il-Libja. Dan sar l-għada tal-Għid. Hu qal ukoll li ilu jagħmel dan ix-xogħol għall-Gvern fl-aħħar tliet snin, meta hu kien jaħdem f’Kastilja taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Abela qal li s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika ordnat biex jingħalqu l-portijiet għal kulħadd. Qal li ma kienx jagħmel sens li Malta tipprojbixxi lit-tursti imma mbagħad iddaħħal l-immigranti.

Robert Abela qal li l-immigranti wkoll huma nies li wieħed irid iħares lehom b’umanità u li jistħoqilhom kull dinjità.